Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest lil Sqalli li tressaq il-Qorti wara li f’Ġunju li għadda kien instab fil-pussess ta’ 54Kg ta’ kannabis b’valur ta’ €880,000. Hu kien ġie arrestat f’San Pawl il-Baħar.
Santo Arena ta’ 48 sena residenti San Pawl il-Baħar kien tressaq il-Qorti fl-24 ta’ Ġunju li għadda. Meta dalgħodu komplew jinġabru l-provi quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, l-Ispettur Prosekutur Mark Anthony Mercieca qal l-pulizija kienu wettqu spezzjoni f’binja f’San Pawl il-Baħar. L-uffiċjali kienu sabu lil akkużat id-dar flimkien mal-familja tiegħu. Waqt tfittxija li saret kienu nstabu diversi pakketti li fihom kien hemm droga suspettata kannabis.
L-Avukat difensur ta’ Arena qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien ressaq talba għall-ħelsien mill-arrest.
Min-naħa tiegħu l-Ispettur Mercieca qal li għalkemm l-akkużat ikkoperat bis-sħiħ mal-pulizija u anke ħalla stqarrija fejn semma terzi persuni li allegatament huma involuti fl-importazzjoni tad-droga, hu ma kellux għażla oħra ħlief li joġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-sitwazzjoni ta’ Arena.
L-akkużat m’għandux residenza fissa u lanqas xogħol fiss. Spjega li l-uffiċjali tal-pulizija għamlu dak kollu posibbli biex joffru l-għajnuna lil mara u lit-tfal tal-akkużat tant li għamlu kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ u anke mal-Awtorità tad-Djar.
Min-naħa tiegħu l-Avukat difensur spjega li qabel ma tressaq il-Qorti Arena kien jgħix f’appartament li kien jikri, iżda minħabba li waqaf iħallas il-kerha, is-sid keċċa lil mara u lil uliedu minn hemm.
L-avukat qal li hu kien jaħdem f’ħanut tal-laħam li s-sid hu l-istess wieħed li allegatament inrtoduċa d-droga lil akkużat u dan għadu lanqas biss ġie arrestat. Sostna li l-akkużat ġie mwiegħed xogħol meta jingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda bħalissa mhux qed f’pożizzjoni li jħallas depożitu.
Il-Qorti f’digriet li tat qalet li r-rabtiet li għandu ma’ Malta huma limitati u quddiem għandu akkużi serji ħafna. Kien għal dawn ir-raġunijiet u oħrajn li l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.