Wednesday, December 25, 2024

Jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li seraq fliexken tax-xorb minn pastizzerija 

Aqra wkoll

Raġel ta’ 41 sena residenti San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li seraq fliexken tax-xorb minn pastizzerija fir-Rabat.

Fil-Qorti, l-imputat Clive Micallef wieġeb mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża mmexxija mill-Avukat Alessandro Farrugia, tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni.

Il-Prosekuzzjoni spejgat li Micallef għandu karattru diffiċli u kien hawn fejn iddiskreviet il-kondotta tal-imputat bħala waħda ‘ikkulurita’. Ingħad ukoll li ma hemmx serħan il-moħħ li jekk l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest, dan se jobdi mal-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti. 

Ġie spjegat li ftit tax-xhur ilu, l-imputat tressaq il-Qorti b’akkużi simili u li minkejja li ngħata l-ħelsien mill-arrest, dan kiser xi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tad-Difiża u tal-Prosekuzzjoni, il-maġistrat Abigail Critien li pprosediet il-każ, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bir-raġuni li m’għandhiex is-serħan tal-moħħ li l-akkużat se josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici għan-nom tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Godwin Scerri.

Ekonomija

Sport