Il-Mixja tal-President b’risq il-Malta Community Chest Fund tirritorna fit-22 ta’ Novembru

Aqra wkoll

Il-Mixja tal-President 2026 se ssir fit-22 ta’ Novembru b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Il-Mixja se tibda fid-9.15am, bit-tluq mill-Palazz ta’ Sant’Anton u minn Raħal Ġdid. Din is-sena, mal-kumplament tal-parteċipanti se jingħaqdu wkoll atleti ta’ Special Olympics Malta u SportMalta, waqt li membri tal-Għaqda Każini tal-Baned se joħolqu atmosfera bid-daqq tal-banda.

Il-parteċipanti jintalbu donazzjoni ta’ €10 b’risq il-Malta Community Chest Fund u jingħataw voucher tal-istess valur grazzi għal Eurosport, kif ukoll flokk tal-okkażjoni li jista’ jinġabar mar-reġistrazzjoni li ssir jew fl-uffiċċji tal-Malta Community Chest Fund, mingħand Eurosport, minn fuq ShowsHappening.com, kif ukoll mill-faċilitajiet ta’ SportMalta.

Id-dettalji ta’ din l-edizzjoni ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, li matulha l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono. Il-President ta’ Malta qalet li din l-attività mhix biss il-Mixja tal-President imma fuq kollox mixja li tgħaqqad lill-poplu kollu ma’ dawk li matul is-sena jsibu lill-Malta Community Chest Fund għall-bżonnijiet finanzjarji, mediċi u soċjali tagħhom.

Il-President irreferiet b’mod speċjali għall-pazjenti li jkollhom iħallu l-ħajja ta’ kuljum u lil familthom warajhom, biex jivvjaġġaw barra minn pajjiżna għall-kura. Innutat li waqt li l-pazjenti li jirrikorru għal sptarijiet fir-Renju Unit isibu l-appoġġ ta’ diversi entitajiet li jospitawhom, bħas-Sorijiet Franġiskani u Puttinu Cares, pazjenti oħra jkollhom bżonn jivvjaġġaw għall-kura f’pajjiżi oħra bħall-Italja u l-Ġermanja fejn ma hemmx il-preżenza ta’ organizzazzjonijiet Maltin. Dawn il-pazjenti kollha, u qrabathom, isibu lill-Malta Community Chest Fund tappoġġjahom matul il-vjaġġ kollu tagħhom.

Il-President irringrazzjat lil dawk kollha li qed jappoġġjaw din l-attività, fosthom lill-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, u l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J Scicluna, li din is-sena wkoll se jingħaqdu flimkien mal-parteċipanti.

Min-naħa tiegħu il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, saħaq li l-Mixja tal-President hija inizjattiva li tgħaqqad l-importanza ta’ ħajja attiva u sana mal-valur tas-solidarjetà.

“Il-Mixja tal-President tfakkarna li l-attività fiżika mhijiex biss mezz kif nieħdu ħsieb saħħitna, iżda tista’ tkun ukoll opportunità biex nagħmlu l-ġid lil ħaddieħor. Kull pass li nagħmlu flimkien jista’ jagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuni u familji li għaddejjin minn mumenti diffiċli. Għalhekk, inħeġġeġ lill-familji, liż-żgħażagħ u lill-pubbliku kollu biex jingħaqdu f’din l-inizjattiva u jappoġġjaw il-ħidma imprezzabbli tal-Malta Community Chest Fund. Il-Mixja tal-President hija turija ta’ kemm nistgħu nagħmlu ġid meta ningħaqdu għal għan wieħed, u ta’ kif is-solidarjetà u l-ġenerożità jibqgħu valuri li jgħaqqduna bħala poplu,” qal il-Ministru Camilleri.

Dan waqt li x-Shadow Minister għall-Isport Graham Bencini fisser Il-Mixja tal-President bħala “opportunità sabiħa biex inkomplu nenfasizzaw l-importanza tal-isport u tal-attività fiżika, u l-benefiċċji kbar li dawn iġibu magħhom għas-saħħa u l-benesseri tagħna. Hija wkoll okkażjoni li tgħaqqadna bħala poplu, fejn ningħaqdu lkoll flimkien wara l-President ta’ pajjiżna b’appoġġ għal kawża ġusta u nobbli.”

Innota wkoll li, “Permezz ta’ din l-attività, għandna l-opportunità li niġbru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund, li tagħti għajnuna tant importanti lil persuni u familji fil-bżonn.” Għalhekk, Graham Bencini ħeġġeġ “lil kulħadd, flimkien mal-familji u l-ħbieb tagħhom, biex jipparteċipaw f’din l-inizjattiva u jgħinu biex nagħmlu l-edizzjoni ta’ din is-sena suċċess.”

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, u Kevin Chircop, Chairman Eżekuttiv ta’ Enemed Company Ltd, li tennew l-appoġġ tagħhom lejn din l-attività, bħala sponsors ewlenin, kif ukoll lejn il-Malta Community Chest Fund b’mod ġenerali.

Matul il-Mixja tal-President, se jkun hemm il-parteċipazzjoni u l-assistenza tal-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, Transport Malta, LESA u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li se jieħdu ħsieb l-arranġamenti u s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha preżenti.

Il-Mixja tal-President hi possibbli wkoll grazzi għall-appoġġ tal-isponsors BOV, Social Causes Fund, VisitMalta, Mapfre, BNF, Eurosport, Maypole, MyConvience, KPMG, Powerade, The Point Shopping Mall, Heritage Malta, Paradise Bay Hotel, Magic u Ponder & Pitch.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport