Sunday, December 22, 2024

Jinżamm taħt ordni ta’ probation wara li ammetta li seraq minn żewġ gyms

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 22 sena residenti l-Imtarfa tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin, wara li tressaq il-Qorti, mixli li x-xahar li għadda seraq minn żewġ gyms.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-ġuvni kien mixli li fit-13 ta’ Mejju seraq flus, dokumenti u oġġetti oħra minn gym f’Tas-Slema. Ingħad ukoll li tlett ijim wara, huwa kien seraq ċviewet, flus u scooter minn gym f’Tal-Qroqq.

Sar qbil bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża li l-ġuvni ma għandux jingħata piena ta’ ħabs. Wara l-istess qbil, il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-akkużat kellu fedina penali netta u li kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi orndat li l-ġuvni jitpoġġa taħt ordni ta’ probation. Il-Qorti ordnat ukoll sabiex il-ġuvni jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-akkużat biex iħallas bin-nifs kważi €300 kull wieħed lil żewġ persuni li kienu fost dawk li ġew misruqa minnu.

Ekonomija

Sport