Monday, May 13, 2024

Jirritorna l-Kampjonat Premier b’għadd ta’ partiti interessanti

Aqra wkoll

Wara l-waqfa internazzjonali li fiha Malta kienet impenjata f’żewġ logħbiet, kontra s-Slovenja u Ċipru, fir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad- Dinja 2002, bejn illum u għada jirritorna l-Kampjo­nat Premier meta tintlagħab is-sitt ġurnata.

Bla dubju, l-aqwa partita hija dik bejn iċ-champions Hamrun Spartans u Gzira United li fil-bidu tal-istaġun kellhom aspirazzjonijiet kbar iżda fil-veritá ddiżapppuntaw minħabba li jinsabu f’nofs il-klassifika.

Partita interessanti hija dik bejn Floriana u Balzan li t-tnejn ġejjin minn telfa identika ta’ 2-1.

Il-leaders Hibernians ji­lagħbu kontra t-team ta’ qiegħ il-klassifika Sliema Wanderers b’dawn tal-aħ­ħar ma jaffordjawx li jo­ħorġu mill-ground b’idej­hom vojta filwaqt li kontra Sirens, Valletta jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ hekk kif ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi u għaldaqstant rebħa hija imperattiva jekk iridu jkomplu jisfidaw. 

Hamrun S. v Gzira U. – Hamrun Spartans jilagħbu kontra Gzira United li jinsabu nofs il-klassifika flim­kien ma’ Floriana, Balzan u Valletta, b’sitt punti kull wieħed.

L-Ispartans jimmiraw li jkomplu jibdu fuq ir-rebħa ta’ 2-1 fuq Floriana biex iżommu l-pass mal-leaders Hibernians  kif ukoll it- tamiet tagħhom ħajjin għar- rebħ tat-titlu. 

Iżda fil-verità sa issa ċ-champions renjanti għadhom ‘il bogħod mill-forma tal-istaġun li għadda.

Filwaqt li r-riżultati kie­nu diżappuntanti, il-wirjiet tagħhom qajmu bosta dis­kussjonijiet hekk kif qed ibatu mill-prodott finali.

Dan huwa test diffiċli għal Gzira United li jinsabu konxji li jridu jkunu fl-aqwa forma tagħhom biex iwaqqfu lill-Ispartans, b’ mod speċjali liż-żewġ attakkanti Ailton Soares u Franklin Sasere.

Iż-żewġ timijiet se jkollhom player nieqes minħabba li weġġgħu fl-aħħar logħba tat-team nazzjonali kon­tra Ċipru.

Dawn huma l-goalkeeper Henry Bonello (Hamrun S.) u d-difensur Steve Borg (Gzira U.)

Floriana v Balzan – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa identika ta’ 2-1.

Wara li rebħu kontra Hamrun Spartans (1-0), Balzan ġew esposti minn Mosta (2-1) wara li kienu ħadu vantaġġ kmieni. Hu­ma ma wrewx l-istess rendiment tal-logħba preċedenti u għaldaqstant fallew tliet punti.

Wara bidu nkoraġġanti li fih anke għelbu lir-rivali eterni, Valletta, Floriana ħadu punt wieħed biss mill-aħħar żewġ konfronti biex ħallewhom frustrati hekk il-pjan tagħhom li jikkwalifikaw għaċ-Championship Pool qed jitmermer.

Din hija opportunitá għaż-żewġ timijiet biex ikomplu juru l-ambizzjonijiet tagħhom.

Birkirkara v Gudja U. – Birkirkara jiffaċċjaw lit-team rivelazzjoni, Gudja United.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom, il-Gudjani għelbu lil Valletta (2-0) biex telgħu fir-raba’ post tal-klassifika kif ukoll żammew clean sheet għall- ewwel darba f’dan l-istaġun.

Huma jittamaw li Ruslan Kisil iniżżel ismu fil-lista tal-iskorers hekk kif kull darba li skorja dejjem ħarġu rebbieħa.

Min-naħa tagħhom, Bir­kirkara ġejjin minn żewġ draws identiċi ta’ 1-1 kontra Floriana u Gzira United.

Xejn ħlief rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom fit-tentattiv li jibqgħu jżommu l-pass mal-leaders Hibernians.

Bla dubju, il-Maroons iridu jagħrfu kif se jrażżnu lill-attakkant Arġentin, Fe­derico Falcone, hekk kif bħalissa jinsab fl-aqwa forma tie­għu fejn huwa l-uniku player li s’issa skorja f’kull partita.

Yannick Yankam jibqa’ dubjuż għall-Karkariżi.

Sliema W. v Hibernians – Il-leaders Hibernians jiltaqgħu kontra Sliema Wanderers li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.

Bla dubju, il-Blues huma fost l-aktar timijiet diżappuntanti meta kisbu biss  tliet punti minn possibbiltá ta’ 15 … fejn għadhom qed ifittxu li jiksbu l-ewwel reb­ħa.

Dan ifisser li wieħed mill-clubs aristokratiċi Maltin se jkun maqbud fit-taqtiegħa tar-relegazzjoni.

Bla dubju, huma jinsabu taħt pressjoni kontra Hibernians li min-naħa tagħhom, kellhom jiġu minn wara biex salvaw ir-riżultat kontra Sta Lucia bl-iskor ta’ 1-1 bil-konsegwenza li anke waq­qgħu l-ewwel punti.

Għaldaqstant huma jimmiraw li jirritornaw għar- rebħ biex isaħħu posthom fil-quċċata tal-klassifika.

Valletta v Sirens – Valletta, li wkoll iddiżappuntaw bil-kbir, jaffrontaw lil Sirens fejn jimmiraw li jdawru l-istaġun tagħhom wara li l-bidu inkonsistenti li kellhom, kompla bit-telfa ta’ 2-0 kontra Gudja United.

Apparti minn hekk, fl-imsemmija partita huma spiċċaw jilagħbu b’disa’ players meta tkeċċewlhom Joseph Zerafa u Ryan Ca­milleri wara li ġew murija t-tieni karta safra. Għal­daqstant huma se jkunu neqsin għal dan il-konfront.

Il-pressjoni tinsab kollha fuq il-Lilywhites li ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi li fihom naqsu li jsibu x-xibka avversarja … minbarra li sofrew seba’ goals.

Min-naħa l-oħra, Sirens iridu wkoll jirritornaw għar-rebħ wara li ġew miċħuda t-tliet punti fi draw drammatiku ta’ 2-2 kontra Sliema Wanderers, b’dawn tal-aħħar jiksbu d-draw proprju fl-aħħar minuta.

Rebħa hija importanti għall-Pawlini minħabba li jingħataw spinta ‘l fuq fit-tentattiv li jisfidaw għal post mal-ewwel erbgħa.

Sta Lucia v Mosta – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika b’erba’ punti kull wieħed.

Iż-żewġ timijiet kellhom bidu diżappuntanti …. filwaqt li Sta Lucia għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa, Mosta rreġistraw l-ewwel rebħa tagħhom wara li għelbu lil Balzan 1-0.

Il-wirjiet ta’ dawn iż-żewġ timijiet  kienu mħallta u din hija opportunità għalihom biex jiksbu t-tliet punti li jistgħu jkunu injezzjoni morali biex jevitaw il-waq­għa.

Andre Rodrigues u Gian­marco Conti jistgħu jirritornaw għal Sta Luċija filwaqt li Mosta mistennija jissaħħu bir-ritorn ta’ Christ Ememe.

Sport