Is-sena skolastika li jmiss se tkun tfisser ukoll esperjenza edukattiva aqwa għall-istudenti taċ-Ċentru tar-Riżorsi għall-Edukazzjoni Primarja San Miguel, li jinsab f’Pembroke u li jilqa’ fih studenti b’diżabilità.
Dan iċ-ċentru se jibda jgawdi minn sensory-hydrotherapy pool, jacuzzi u multisensory pods ġodda u tal-ogħla livell bħala parti minn proġett li qed tmexxi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Ix-xogħol jinsab għaddej b’ritmu tajjeb biex sal-aħħar ta’ din is-sena l-faċilità tkun tista’ tibda tintuża b’mod komplut mill-istudenti. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ madwar €6 miljun.
Waqt żjara mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, huwa segwa x-xogħol li għaddej u saħaq kif l-esperjenza edukattiva trid tkun waħda inklussiva u li l-Ministeru huwa kommess li jkompli jinvesti biex jilħaq dan il-għan.
Għalhekk, qal il-Ministru Camilleri, dan l-investiment huwa eżempju konkret ta’ kif l-inklużjoni fl-edukazzjoni trid tissarraf f’ambjent, servizzi u opportunitajiet li jirrispondu għall-ħtiġijiet differenti ta’ kull student.
“Edukazzjoni tassew inklussiva tfisser li kull student jingħata dak li għandu bżonn biex jitgħallem, jiżviluppa u jilħaq il-potenzjal tiegħu. F’San Miguel qed nagħmlu dan b’mod konkret, b’investiment f’faċilità tal-ewwel tax-xorta tagħha f’istituzzjoni edukattiva tal-Istat, imfassla madwar il-ħtiġijiet tal-istudenti”. Iċ-Ċentru San Miguel jipprovdi edukazzjoni full-time lil aktar minn 20 tifel u tifla bejn it-3 u l-11-il sena u joffri wkoll servizzi lil madwar 60 student minn skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. L-esperjenzi sensorjali jiffurmaw parti importanti mill-proċess edukattiv ta’ dawn it-tfal, filwaqt li l-faċilitajiet il-ġodda se jkunu qed ifissru servizzi ta’ terapija aqwa wkoll.
Il-kumpless il-ġdid jokkupa medda ta’ 557 metru kwadru u se jkun aċċessibbli direttament mill-iskola. Fl-istess waqt, daħla separata se tippermetti li l-faċilità tintuża b’mod indipendenti anke wara l-ħin tal-iskola. Il-pixxina tal-idroterapija sensorja u l-jacuzzi se jkunu jistgħu jakkomodaw sa 16-il persuna f’daqqa.
Il-faċilità se tinkludi wkoll sitt faċilitajiet sanitarji u doċoċ mgħammra apposta, kamra għall-ewwel għajnuna, spazji għall-ħażna, kamra għall-pompa tal-pixxina u żewġ kmamar għal diversi skopijiet li jistgħu jakkomodaw sa 30 persuna kull waħda. Dan se jippermetti liċ-Ċentru San Miguel ikompli jwessa’ l-firxa ta’ servizzi speċjalizzati li jista’ joffri lill-istudenti.
Il-Ministru Camilleri żar iċ-ċentru flimkien mat-tmexxija tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, kif ukoll il-professjonisti li ħadmu fuq il-proġett.
Il-Perit Francesca Axisa mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS), spjegat li dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu għall-Fondazzjoni u li l-importanza tiegħu tmur lil hinn mill-aspett arkitettoniku u tekniku. Il-Perit Axisa spjegat li l-iżvilupp ta’ estensjoni ġdida maġenb binja eżistenti ġab miegħu diversi sfidi, kemm loġistiċi kif ukoll fid-disinn. Għalhekk, l-estensjoni ġiet imfassla b’mod li tirrispetta l-karattru arkitettoniku tal-iskola, fosthom billi tkompliet il-linja tal-arkati li tikkaratterizza l-faċċata eżistenti. Għalkemm strutturalment indipendenti mill-binja tal-iskola, il-kumpless se jkun konness magħha permezz ta’ kuritur biex jiġi żgurat aċċess faċli għall-istudenti u tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-edukaturi.
Il-proġett ġie żviluppat b’konsultazzjoni mill-qrib mat-tmexxija taċ-ċentru, sabiex id-disinn u t-teknoloġija tal-faċilità jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-istudenti u tal-professjonisti li se jużawha.


