Giancarlo Fisichella f’Malta għal The Malta Motorsport Federation Festival Għall-Istrina

Aqra wkoll

Il-Malta Community Chest Fund flimkien ma’ The Malta Motorsport Federation għandhom il-pjaċir iħabbru li l-eks sewwieq tal-Formula 1 Giancarlo Fisichella se jkun il-mistieden speċjali waqt The Malta Motorsport Festival għall-Istrina, li se jsir fl-20 ta’ Settembru, fil-Ħal Far Race Way.

Giancarlo Fisichella qatta’ 13-il sena jikkompeti fil-kampjonat tal-Formula 1, fejn matul is-snin irrappreżenta tmien skuderiji, inkluż il-Ferrari fl-istaġun 2009. Matul il-karriera tiegħu, hu tellaq f’231 Grand Prix, rebaħ 3 tlielaq, u kiseb 19-il podium u 4 pole positions.

Matul The Malta Motorsport Festival għall-Istrina, organizzat minn The Malta Motorsport Federation u The Malta Community Chest Fund, dawk li jattendu se jkollhom l-opportunità li jsegwu intervista li se ssir b’mod dirett ma’ Giancarlo Fisichella waqt li numru limitat ta’ persuni se jkunu jistgħu jiltaqgħu miegħu personalment u jieħdu ritratti tal-okkażjoni. Il-biljetti għal din l-esperjenza unika jinsabu disponibbli fuq showshappening.com.

Minbarra l-attivitajiet relatati ma’ Giancarlo Fisichella, dawk li jattendu The Malta Motorsport Festival għall-Istrina se jkollhom l-opportunità jgawdu spettaklu statiku ta’ mijiet ta’ karozzi lussużi, sportivi u klassiċi, kif ukoll muturi u trakkijiet miġbura f’post wieħed għal dik li mistennija tkun waħda mill-ikbar attivitajiet tax-xorta tagħha f’Malta.

Matul l-attività fil-Ħal Far Race Way se jkun hemm ukoll ikel, xorb u divertiment, waqt li diversi importaturi lokali tal-karozzi se jesebixxu l-vetturi li jimpurtaw.

Din l-attività hi possibbli grazzi għas-Social Causes Fund, Enemed, Visit Malta, Malta Drag Racing Association u l-Malta Motorsport Federation, bl-appoġġ ta’ Transport Malta, LESA, il-Korp tal-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-biljetti huma disponibbli fuq is-sit showshappening.com kemm għal dawk li jixtiequ jgawdu l-attivitajiet matul il-ġurnata kif ukoll dawk li jixtiequ jkunu parti billi jesebixxu l-vetturi tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport