L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet kollha li wieħed irid għaliex m’għandix x’naħbi.
Huwa qal dan wara li dalgħodu l-għaqda Repubblika ppreżentat rapport formali lill-Kummissarju tal-Pulizija u lid-Deputat Kummissarju biex huwa jiġi investigat dwar l-istorja li ħarġet f’ġurnal lokali.
Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Muscat qal: “Jidher li min qed jakkużani qed jimplika li għax għamilt xogħol barra minn Malta ma’ kumpanija li jista’ kellha konnessjoni ma’ interessi f’Malta, dan jammonta għal korruzzjoni. Dan meta x-xogħol li għamilt ma kellu x’jaqsam xejn mal-Gvern Malti.”
Żied jgħid li bl-istess kejl, ma jifhimx kif ma sarux protesti kontra nies oħra.
F’dan ir-rigward huwa qal: “Per eżempju Dr Austin Gatt, li wara li spiċċa minn Ministru ingħata karigi fi grupp ta’ kumpaniji li għandhom relazzjoni diretta ma’ mill-inqas żewg entitajiet li kienu taħt ir-responsabiltà diretta tiegħu għal snin sħaħ. Jew Tonio Fenech, li kien responsabbli għas-servizzi finanzjarji għal snin sħaħ imbagħad kellu karigi ma’ kumpaniji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Jew Claudio Grech, li kien parti mill-Ministeru li nnegozja Smart City f’isem il-Gvern Malti, imbagħad mar imexxi Smart City. Hemm ħafna oħrajn li nista’ nsemmi, speċjalment fil-professjoni legali.”
Temm jgħid: “Imma kejl jintuża għal naħa u kejl għal oħra. L-awtoritajiet jagħmlu sewwa li jagħmlu xogħlhom. Jagħmlu sewwa wkoll li jaraw li jirrispettaw ir-regoli u mhux insiru nafu x’ikun qed jiġri minn xi bnadi partikolari, għaliex hekk tiġi mminata l-fiduċja fis-sistema.”