Monday, April 29, 2024

Jitħabbar kunċert biex jitfakkar il-45 sena mill-kisba tal-Ħelsien

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta 23 ta’ April fit-8:30pm, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, se jittella’ kunċert biex jitfakkar il-45 sena mill-kisba tal-Ħelsien u li fih ser jieħdu sehem uħud mill-aqwa talent lokali taħt id-direzzjoni artistika ta’ Mro. Paul Abela.

Il-kunċert, li se jkun qed jittella’ mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali fi ħdan Festivals Malta, huwa ispirat minn sensiela interattiva marbuta mal-personalità magħrufa Mario Laus fuq gazzetti stampati li telenka l-aqwa għoxrin kanzunetta tas-sebgħinijiet f’pajjiżna.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li Jum il-Ħelsien din is-sena kien wieħed speċjali għaliex ikkommemora 45 sena minn mindu dan inkiseb lura fil-31 ta’ Marzu, 1979. Waqt li l-jum innifsu tal-31 ta’ Marzu din is-sena ħabat mal-festa tal-Għid il-Kbir u ġie immedjatament segwit mill-ħatra ta’ President ġdid ta’ Malta, huwa spjega li l-ministeru u l-entitajiet konċernati għamlu l-pjani meħtieġa biex dan il-kunċert jittella’ wara dawn l-avvenimenti, fejn id-dħul tiegħu se jkun kompletament bla ħlas u hu mmirat għall-familja kollha.

Huwa sostna li l-kunċert innifsu mhux biss iservi biex il-familji Maltin u Għawdxin jirriflettu fuq iż-żmien li fih inkiseb il-Ħelsien, imma jipprovdi pjattaforma lil diversi artisti lokali biex jesebixxu t-talenti tagħhom. “Inħeġġeġ lil kulħadd biex ma jitilfux din l-opportunità unika biex nerġgħu ngħixu l-passat u noħolqu memorji ġodda flimkien permezz tal-mużika,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva li ser tiċċelebra avveniment storiku f’pajjiżna permezz tal-mużika. Hija qalet li ċelebrazzjonijiet bħal dawn huma importanti sabiex nibqgħu nfakkru fuq il-perseveranza ta’ dawk ta’ qabilna u li ħadmu favur Malta ħielsa u għal sistema demokratika b’saħħitha.

Iċ-Ċermen ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal, “L-2024 hija sena li matulha ser ikunu qed jitfakkru bosta anniversarji speċjali marbuta mal-festi nazzjonali ta’ pajjiżna. Din ta’ Jum il-Ħelsien hija l-ewwel waħda, b’kunċert li ser ikun qiegħed jikkommemora l-45 anniversarju mill-kisba tal-ħelsien. Il-kunċert ser ikun qiegħed isir jiem wara l-ġurnata proprja ta’ Jum il-Ħelsien b’rispett lejn l-attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, l-Għid il-Kbir u l-ħatra ta’ president ġdid tar-Repubblika ta’ Malta”.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Liam Gauci qal “Dan hu kunċert b’differenza, fejn il-memorja kollettiva tal-1979 sejra tiġi mqanqla permezz ta’ mużika li kienet popolari f’dik is-sena. Hemm ħafna x’jixtarr dwar Jum il-Ħelsien u x’hemm aħjar mill-melodiji li għaqdu l-poplu fil-mixja lejn il-Ħelsien.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport