Friday, May 3, 2024

Jitħawlu 35,600 siġra u arbuxell f’54 lokalità fl-2022

Aqra wkoll

Il-Gvern ħawwel 35,600 siġra u arbuxell f’diversi ġonna u siti naturali f’aktar minn 54 lokalità f’Malta u Għawdex fl-2022.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet dan waqt li kienet qed tħabbar kif dawn is-siġar se jkunu fost l-ewwel kontribuzzjonijiet ta’ Malta għall-mira tal-Unjoni Ewropea li l-Ewropa tħawwel tliet biljun siġra sal-2030.

Waqt tħawwil ta’ siġar fil-Park tal-Majjistral, il-Ministru spjegat kif is-siġar li diversi entitajiet tal-gvern qed iħawlu bħala parti minn din l-inizjattiva ambjentali Ewropea se jiġu rreġistrati f’MapMyTree, l-applikazzjoni onlajn li nediet il-Kummissjoni Ewropea stess, u li f’Malta qed tiġi kkordinata minn Ambjent Malta.

Din l-applikazzjoni, li tinsab fis-sit mapmytree.eea.europa.eu, hija miftuħa għal kulħadd, mhux biss għall-entitajiet governattivi. Individwi, negozji u organizzazzjonijiet li jħawlu siġar indiġeni bl-għan li jsaħħu l-bijodiversità ta’ pajjiżna u jnaqqsu l-impatti tal-emerġenza fil-klima jistgħu jirreġistrawhom biex jikkontribwixxu għall-mira Ewropea ta’ tliet biljun siġra fit-tmien snin li ġejjin.

Il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-entitajiet governattivi, għaqdiet volontarji u negozji li sena wara l-oħra qed iħawlu ħafna siġar u arbuxelli madwar Malta u Għawdex.

Sport