Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u l-Pulizija mid-Distrett ta’ Għawdex mexxew operazzjoni fuq organizzazzjoni kriminali fosthom fi traffikar tad-droga fil-Qala.
Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li f’din l-operazzjoni ġew arrestati 6 persuni u anke nstabet ammont ta’ kokaina lesta biex tiġi traffikata.
L-istess sorsi qalulna li din l-operazzjoni twettqet wara xhur sħaħ ta’ osservazzjonijiet u investigazzjoni kbira fil-Qala kemm mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u anke mill-Pulizija ta’ Għawdex.
Il-Pulizija kienet qiegħda tqis il-persuni arrestati bħala li kienu jagħmlu parti minn organizzazzjoni kriminali li kienet topera mill-Qala f’Għawdex.
Bħalissa l-investigaturi qegħdin jitkellmu ma’ dawk arrestati u huma mistennija li jitressqu quddiem il-qorti fis-sigħat li ġejjin l-aktar probabbli għada t-Tlieta.
