Saturday, April 27, 2024

Jitlesta l-bini tal-‘frequency converter stations’ għall-elettriku mix-xatt lill-vapuri

Aqra wkoll

Infrastructure Malta lestiet nofs l-ewwel fażi tal-Grand Harbour Clean Air Project, investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex inaqqas b’90% it-tniġġis tal-arja mill-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija fil-port ewlieni ta’ Malta.

Matul l-aħħar sitt xhur, l-aġenzija bniet iż-żewġ frequency converter stations meħtieġa biex tintroduċi s-servizz tal-elettriku mix-xatt lill-vapuri fil-Port il-Kbir, waqt li l-ewwel tagħmir elettriku ta’ din is-sistema beda jasal Malta minn fabbriki fir-Repubblika Ċeka, l-Italja u t-Turkija. 

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg waqt żjara li għamel fuq il-post flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. 

Il-frequency converter stations, l-ewwel tax-xorta tagħhom f’Malta u fost l-ewwel tat-tip tagħhom fid-dinja, jinsabu ħdejn Xatt l-Għassara tal-Għeneb (Deep Water Quay) fil-Marsa u f’parti minn tinda kbira ta’ żmien l-Ingliżi li hemm f’Boiler Wharf, l-Isla. 

Infrastructure Malta qed tibni wkoll żewġ strutturi iżgħar fix-Xatt ta’ Pinto għat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri jkunu jistgħu jieħdu l-elettriku mis-sistema ġdida tal-proġett.

Fix-xhur li ġejjin, dawn il-binjiet ser jiġu mgħammra bi 18-il transformer li jvarjaw minn 0.5MVA għal 21 MVA, erba’ frequency converters u 71 switchgear units biex flimken jikkontrollaw u jikkonvertu d-distribuzzjoni tal-elettriku għall-frekwenzi meħtieġa mill-vapuri li jżuru l-Port il-Kbir. Iż-żewġ stazzjonijiet prinċipali se jkollhom ukoll chillers, sistemi ta’ batteriji ta’ riżerva, sistemi kontra n-nirien u teknoloġiji oħrajn ta’ kontroll u protezzjoni. 

Sadanittant, il-kuntratturi tal-proġett qed jibnu makkinarju ieħor li ser jintuża fuq il-mollijiet, li jinkludi karrijiet biex fuqhom jinġarru l-irkiekel kbar tal-cables, kif ukoll vetturi biex jiġbudhom u krejnijiet biex jgħollu l-cables u jqabbduhom mal-vapuri. Uħud minn dan il-makkinarju diġà jinsab Malta. 

L-ewwel konnessjonijiet għad-distribuzzjoni tal-elettriku mix-xatt lill-vapuri tal-passiġġieri fix-Xatt ta’ Pinto, il-Furjana u f’Boiler Wharf, l-Isla huma skedati li jibdew joperaw fit-tieni kwart tal-2023, biex Malta tkun minn tal-ewwel fl-Ewropa li tadotta din it-teknoloġija ambjentali fuq skala ta’ port sħiħ. 

Sport