Saturday, April 20, 2024

Proġett b’kampanji ta’ għarfien marbuta mal-qasam tas-saħħa u l-komunità LGBTIQ

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici nieda l-proġett Transform, li huwa proġett li jinkludi żewġ kampanji ta’ għarfien marbuta mal-qasam tas-saħħa u l-komunità LGBTIQ.

L-ewwel waħda hija immirata biex tara li l-ambjenti tal-kura tas-saħħa jkunu spazji siguri u inklussivi għal pazjenti LGBTIQ. L-oħra għandha l-għan li tqajjem kuxjenza fost persuni LGBTIQ dwar numru ta’ riskji għas-saħħa li din il-komunità tesperjenza, u xxerred informazzjoni dwar servizzi tas-saħħa eżistenti immirati lejn il-komunità LGBTIQ u kif wieħed jista’ jkollu aċċess għalihom.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal li dan huwa pass ieħor favur ugwaljanza sħiħa f’pajjiżna. “Biex ikollna l-ugwaljanza f’pajjiżna,” saħaq il-Ministru Bonnici, “m’għandniex sempliċiment noffru s-servizzi lil kulħadd u nieqfu hemm. Biex verament noffru servizzi b’mod ekwu, irridu l-ewwel nagħrfu l-bżonnijiet diverġenti tad-diversi komunitajiet. Hekk inkunu f’pożizzjoni li nipprovdu s-servizzi u l-informazzjoni verament meħtieġa.”

Huwa rringrazzja lid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-ministeru tat-tmexxija tal-ħidma.

Matul dawn l-aħħar sentejn, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa; l-Isptar Universitarju ta’ Ghent; MCFD; MUMN; Steward Health Care; ILGA-Europe u TGEU kienu impenjati fl-implimentazzjoni tal-proġett ‘TRANSFORM: Raising Standards of Health Care Service Provision for LGBTIQ persons’, li hu ko-finanzjat mill-Programm għad-Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.

Sport