Tlesta l-proġett tax-shore-to-ship li se jsarraf fi tnaqqis drastiku ta’ 90% tat-tniġġis iġġenerat minn vapuri li jidħlu fil-Port il-Kbir. Proġett li jfisser li dawn il-vapuri jitfu l-magni u l-generators meta jkunu sorġuti fil-Port, u se jwassal għal titjib konsiderevoli fil-kwalità tal-arja għal madwar 17,000 familja li jgħixu f’din il-parti tal-pajjiż.
Dan il-proġett ambizzjuż, li beda lejn l-aħħar tal-2020, sar b’investiment ta’ €33 miljun ko-finanzjat mill-programm tal-Unjoni Ewropea – Connecting Europe Facility. B’dan hu wieħed mill-aqwa proġetti tat-tip tiegħu fl-Ewropa. Malta fil-fatt hi waħda mill-ewwel pajjiżi fl-Ewropa bi proviżjoni ta’ enerġija elettrika shore to ship li kapaċi tissuplixxi lil massimu ta’ ħames cruiseliners fl-istess ħin.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ġurnata tal-lum għandha tibqa’ mmarkata bħala waħda importanti fil-proċess tal-qalba ambjentali ta’ pajjiżna.
“Proġett importanti għal Malta aktar sostenibbli u innovattiva. Dawn huma r-riżultati. Li forsi ma jidhrux. Għax mhux qed tagħmel ġnien jew proġett infrastrutturali. Imma huma riżultati li se jinħassu fl-iktar aspett importanti; saħħet in-nies,” tenna l-Prim Ministru.
Huwa rrefera wkoll għax-xogħol li għaddej fuq proġett ieħor ta’ shore-top-ship fiż-żona tal-Freeport. Qal li dan il-proġett jifforma parti minn kullana oħra ta’ proġetti li lkoll għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-arja u sabiex il-qalba ambjentali tkun waħda ta’ suċċess.
“L-għażla li għandna quddiemna hi waħda ċara ħafna. Irridu nibqgħu mexjin ‘il quddiem billi nżommu dejjem fuq quddiem prinċipji li wassluna s’hawn, l-ambizzjoni, l-ottimiżmu fuq quddiem nett, il-ħeġġa biex nagħmlu ħafna u ħafna iżjed iżda wkoll billi noħolmu fuq proġetti ġodda u akbar. Dak tal-lum huwa eżempju ieħor f’din id-direzzjoni. Konvint li Malta se tibqa’ tkun il-leader f’aktar setturi li huma importanti biex dan il-pajjiż dejjem jibqa’ miexi ‘l quddiem,” temm jgħid il-Prim Ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Chris Bonett spjega li dan il-proġett huwa l-ewwel tat-tip tiegħu fil-Mediterran. Qal li dan il-proġett li l-ħidma fuqu bdiet erba’ snin ilu kellu tliet għanijiet prinċipali – dak ambjentali, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja b’mod partikolari għan-nies li jgħixu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta u li jkun jagħmel sens fir-rigward tas-settur marittimu ta’ pajjiżna.