
Fondazzjoni Sagħtar fi ħdan il-Malta Union of Teachers ħabbret it-tnedija ta’ pubblikazzjoni ġdida bit-titlu Il-Ktieb tal-Etikett u l-Manjieri Tajba. Dan il-ktieb għat-tfal hu ispirat mill-ħtieġa li l-etikett u l-manjieri tajba jiġu diskussi u mgħallma fl-iskejjel. Il-pubblikazzjoni ġiet megħjuna mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima pparteċipa fit-tnedija, li saret fl-iskola St Joseph Mater Boni Consilii, Raħal Ġdid, u kellu diskussjoni mal-istudenti, li saqsew xi mistoqsijiet u qraw siltiet mill-ktieb. Huwa faħħar ukoll il-pubblikazzjoni l-ġdida ta’ Fondazzjoni Sagħtar.
Il-President tal-MUT u l-fundatur ta’ Fondazzjoni Sagħtar Marco Bonnici spjega l-prinċipji li sawru l-pubblikazzjoni l-ġdida u spjega kif din tista’ tintuża fl-iskejjel. Huwa qal li l-ktieb se jitqassam b’xejn lill-istudenti tas-sitt sena fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.
Fondazzjoni Sagħtar irringrazzjat lil Dr Kenneth vella, l-edukaturi u l-istudenti tal-iskola St Joseph Mater Boni Consilii għat-tnedija li saret fl-iskola tagħhom. Irringrazzjat wkoll lit-tmexxija tal-Fondazzjoni, lir-riċerkatur, l-awtur, l-illustratur, id-disinjatur u l-istampatur tal-ktieb.