Għaqdiet favur id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ issospendew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ wara dak li huma ddeskrivew bħala reazzjoni sproporzjonata tal-Pulizija kontra l-attivisti li pprotestaw kontra t-tneħħija ta’ siġar tal-Fikus fil-pjazza tal-Mosta.
Il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) ikkundannat bil-qawwa l-aġir tal-Pulizija, inkluż l-arrest ta’ Andre Callus. L-MGRM qalet li Callus “nstabat mal-art aggressivament,” meta l-attivisti kienu “f’nofs protesta paċifika fejn kienu qegħdin sempliċement bilqiegħda quddiem il-makkinarju sabiex iwaqqfu t-tqaċċit ta’ sitt siġar maturi.”
“Dan id-disprezz lejn l-ambjent, lejn l-istat tad-dritt u r-rwol tal-attivisti u NGOs f’soċjetà demokratika issa wasal f’punt kruċjali ta’ kollass totali,” qalet l-MGRM. Hi kompliet tgħid li se tissospendi ruħha mill-kunsill konsultattiv, li twaqqaf mill-gvern fl-2013.
L-MGRM qalet li s-sospensjoni tibqa’ fis-seħħ sakemm tasal apoloġija formali fuq dan l-inċident, u li jkunu aċċertati li s-siġar ser jibqgħu f’posthom.
Minn naħa tagħha l-għaqda Drachma ikkonfermat li se ssegwi l-eżempju tal-MGRM, b’solidarjetà kemm magħhom kif ukoll mal-Moviment Graffitti.
“Drachma hija partikolarment allarmata bl-użu sproporzjonat tal-forza kontra dimostranti paċifiċi li qegħdin jeżerċitaw id-dritt ta’ protesta tagħhom f’pajjiż demokratiku,” qalet l-għaqda.
Bħall-MGRM, Drachma qalet li qed tissospendi s-sħubija tagħha fil-kunsill konsultattiv “sakemm l-awtoritajiet jiskużaw ruħhom għall-użu sproporzjonat tal-forza kontra l-persuni li pparteċipaw fil-protesta.”
Kien nhar it-Tnejn, meta l-Pulizija użaw forza bil-għan li jċaqalqu l-attivisti minn posthom, u anke arrestaw lill-attivist tal-Moviment Graffitti Andre Callus. Din ir-reazzjoni wasslet għal kritika qawwija lejn il-pulizija – anke l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, li fakkar kulħadd għandu l-jedd ta’ protesta paċifika. L-attivisti li pparteċipaw fil-protesta jinkludu impjegat tal-għaqda MGRM, li kkonfermat li tat il-barka tagħha għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-protesta. L-għaqda, filfatt, kienet pubblikament ħeġġet lin-nies jingħaqdu mal-attivisti.