Monday, May 6, 2024

Jixhed kif ra lill-imputat iwaddab il-ġebel fuq il-vittma u nies oħra

Ikompli l-każ dwar il-qtil ta’ Pelin Kaya

Aqra wkoll

Raġel li inzerta kien għaddej minn fuq il-post fejn seħħ il-qtil ta’ Pelin Kaya fil-Gżira, irrakkonta fil-Qorti kif ra lill-imputat iwaddab il-ġebel fuq il-vittma u nies oħra.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ El Mahdi Hamouchi, hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Jeremie Camilleri li jinsab mixli bil-qtil ta’ Pelin, wara li allegatament saq għal fuqha u tajjarha. Il-każ seħħ fit-18 ta’ Jannar li għadda.

Ix-xhud, li huwa ta’ nazzjonalità Marokkina iżda residenti l-Gżira, qal li dakinhar tal-inċident, huwa kien għadu ġej mill-isptar u kien sejjer lura d-dar. Qal li kien għall-ħabta tas-1.15 a.m. meta ra lill-imputat jgħajjat u jħebb għan-nies bil-ġebel, biswit l-istabbiliment tal-KFC.

“L-imputat mar ħdejn il-persuna li kienet mixħuta mal-art u jwaddab ġebla fuqha. Rajtu wkoll jitfa’ ġebla fuq mara oħra u wara beda jħebb għalina. Smajtu jgħid il-kliem: “1,2,3, Viva l-Algerie,” spjega x-xhud.

Kompla tenna li Camilleri, li għarfu fl-awla, beda jinsulta lil kulħadd u rah ukoll iwaqqaf persuna li kienet qiegħda ssuq Peugeot 207. Dan filwaqt li ħa filmat ta’ dak li seħħ wara l-inċident.

“Konna lkoll ixxukkjati. Qatt ma rajt xi ħaġa hekk qabel f’ħajti. Uħud mill-persuni li kien hemm fuq il-post telqu jiġru. Kien hemm żewġ persuni Maltin ħdejja pprovaw jgħinu. Rajt ukoll lill-akkużat arrestat,” qal ix-xhud.

Sport