Jum il-Mara huwa ċelebrazzjoni li tfakkar l-importanza tal-kontribut tal-mara fil-ħajja soċjali, politika, u ekonomika. F’dan il-jum, huwa essenzjali li niftakru fil-battalji li l-mara għaddiet minnhom matul l-istorja, żmien meta ma kienet ikkunsidrata xejn u b’inqas dinjità, niftakru l-ġlieda biex tikseb ugwaljanza u drittijiet, u nippromwovu l-ġustizzja u r-rispett għal kull mara. Hija opportunità li ngħożżu l-kontribuzzjonijiet li l-mara tagħmel fil-familja u fis-soċjetà kollha kemm hi, filwaqt li nitolbu għal soċjetà li tagħti lill-mara l-istess opportunitajiet u saħħa fis-setturi kollha tal-ħajja.
Biex infakkru dan il-jum speċjali tkellimna mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, mara u omm, li qalet “li tara Jum il-Mara bħala jum importanti għax niċċelebraw il-kisbiet tal-mara fis-soċjetà, li saru ħafna avvanzi ’l quddiem maż-żmien, imma li xorta waħda fadal ħafna xi jsir, speċjalment fil-klima politika għax qed naraw li permezz tagħha l-lemin estrem qed jipprova jreġġa’ l-arloġġ lura fuq numru ta’ drittijiet, fosthom huma d-drittijiet tan-nisa. U għalhekk naħseb li jum il-mara huwa okkażjoni tajba ħafna biex nirriflettu naqra fuq il-progress li għamilna, però aktar minn hekk nirrikonoxxu wkoll kemm għandna bżonn ngħożżu dawn id-drittijiet, u aktar minn hekk li nkomplu naħdmu fuqhom, jiġifieri llum, dan il-jum mhux biss jiġi biex il-mara tingħata d-dritt tal-vot, għax dak diġà għandna, jew inkella biex inkunu meqjusa ugwali, għaliex aħna diġà ugwali fis-soċjetà.”
Iżda skont is-Segretarju Parlamentari Buttigieg għad hemm aspetti li l-mara għadha mhix rikonoxxuta daqs l-irġiel u kif tispjega hi “għad hemm instanzi fejn il-mara għadha tħossha li għad trid taqdef ’il quddiem, jiġifieri eżempju fejn jidħlu l-isterjotipi tal-ġeneru. Illum l-omm taħdem, tagħmel ħafna affarijiet, għandha karriera, imma xorta waħda, ix-xogħol tad-dar mhux qed jinqasam b’mod ugwali, allura l-mara dejjem tispiċċa trid tpoġġi aktar toqol u piż fuqha nnifisha biex tkun l-aħjar omm, l-aħjar persuna fuq il-post tax-xogħol, l-aqwa bint għax ġieli trid tgħin lill-ġenituri tagħha.”
Dan kollu jġegħelna nirrealizzaw kemm aħna qed nistennew ħafna xogħol mill-mara fis-soċjetà tagħna, u “l-ġlieda tagħna fis-snin li ġejjin ser tkun biex nassiguraw li jkun hemm aktar ugwaljanza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bilanċ, jiġifieri nifhmu li mhuwiex biss id-dmir tal-omm li tieħu ħsieb lit-tfal, jew li tagħmel il-faċendi d-dar, għax wara kollox dawn huma life skills, u kulħadd għandu jkun jaf kif jaħsel il-ħwejjeġ, mhuwiex biss xi ħaġa li l-mara biss għandha tkun taf.”
Allura dan kollu ma għandux joħloq kunflitt bejn ġeneru u ieħor, u m’għandhiex tqum il-mistoqsija ta’ kull sena, għalfejn jum il-mara niċċelebrawh u jum ir-raġel le, għax “il-punt tal-ugwaljanza mhux li npoġġu ġeneru kontra ieħor, imma huwa li nirrikonoxxu li l-ġeneru tal-mara għandu ċerti sfidi, filwaqt li anke l-ġeneru tal-irġiel għandu. Għalhekk m’għandniex għalfejn nistennew jum il-mara biex naraw fejn nistgħu ntejbu l-ugwaljanza, kemm għar-raġel u kemm għall-mara.
Xtaqna wkoll li bħala mara u omm, li żgur li għandha rwol utli fis-soċjetà Maltija u anke fil-familja tagħha, tgħaddi messaġġ f’dan il-jum speċjali li jiġi ċċelebrat kull sena fit-8 ta’ Marzu.
Hija awgurat Jum il-Mara t-tajjeb lil kulħadd, lil min qed jaqra dan l-artiklu, “lil kull omm, lil kull professjonista, lil dawk li jkunu qed jagħmlu l-aqwa fis-soċjetà tagħna, il-mara hija importanti ħafna u jeħtieġ li nirrikonoxxu l-ħidma tagħha, mhux biss f’jum il-mara imma matul is-sena kollha.” Dan għaliex il-mara dejjem qed tistinka ħafna aktar biex tlaħħaq max-xogħol, mal-ħajja personali tagħha, mal-familja u mal-ulied, u dan ħafna drabi qed tagħmlu mingħajr is-sapport meħtieġ. Però jeħtieġ nifhmu li llum is-soċjetà nbidlet; m’għadniex ir-raġel jaħdem u l-mara d-dar tieħu ħsieb il-familja u d-dar. Għalhekk ladarba l-mara taaħdem ix-xogħol għandu jinqasam ugwalment.