Thursday, May 16, 2024

JUM STORIKU B’MALTA FIT-TMEXXIJA TAL-OSCE

Aqra wkoll

Ilbieraħ kienet ġurnata storika. Dan għax Malta ħadet f’idejha t-tmexxija tal-OSCE. Dan ifisser li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg qed jokkupa l-kariga ta’ Chairperson-in-Office. 

M’hemm ebda dubju li l-fatt li Malta  se tukt qed tmexxi l-Presidenza tal-OSCE hu ta’ unur għal pajjiżna. Ifisser ukoll kredibilità f’pajjiżna. Turi l-mod kif pajjiżi oħra qegħdin iħarsu lejn pajjiżna u r-rwol tiegħu li jista’ jgħin biex pajjiżi jikkollaboraw għall-paċi. Dan fi żmien meta id-dinja għaddejjin kunflitti mhux żgħar fosthom dak fil-lvant nofsani u l-gwerra fl-Ukrajna. 

Pajjiżna, qiegħed jassumi il-Presidenza tal-OSCE fi żmien kruċjali. Il-pożizzjoni li dejjem ħa pajjiżna kienet dik li jaħdem għal paċi. Jaħdem biex pajjiżi f’kunflitt jersqu lejn xulxin. Niftakru kif il-Malta Summit bejn Bush u Gorbatchev kien strumentali biex finalment intemmet il-gwerra bierda bejn il-Lvant u l-Punent.

Forsi wieħed jistaqsi imma għaliex Malta minn daqstant pajjiżi?  Mistoqsija li tweġiba tagħha ssibha dwar kif iħarsu lejn pajjiżi oħra. Jaraw lil Malta f’nofs il-Mediterran. Bejn il-lvant u l-punent. Pajjiż li dejjem kellu pożizzjoni ċara ħafna biex tipprova tressaq pajjiżi f’kunflitt lejn xulxin. Dawn jaraw f’Malta pajjiż ġenwin biex tinħoloq il-paċi jew għallinqas biex il-kunflitti jittaffew. Jaraw lil Malta bħala dak il-pajjiż li dejjem ipprova jiffaċilità id-djalogu. Kemm taħt gvern u kemm taħt ieħor. 

Ma nistgħux nieqfu biss mal-fatt li se Malta se tkun qed tmexxi l-OSCE. Nemmnu li hemm bżonn li din l-opportunità tintuża biex finalment tinħareġ xi ħaġa konkreta. It-tama hi li minn dan ma jkunx hemm biss dokumenti u diskorsi imma naraw passi li finalment iħallu l-frott biex il-kobob tal-kunflitt li jeżistu bħalissa jibdew jinħallu.

L-ewwel prijorità Maltija se tkun dik li l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna tibqa’ fuqnett tal-aġend. Hi prijortià li r-Russja se tintalab tirtira mit-territorjju Ukren. Malta diġa qiegħda tikkundanna l-intensifikazzjoni tal-attakki fl-aħħar jiem.

Malta, permezz tal-Ministru Ian Borg, se tkun iżżur il-kapitali Ukrena, Kiev. Opportunità li fiha wieħed se jkun jista’ jara kif qegħdin jgħixu ir-residenti ta’ din il-belt, u t-tbatijiet kbar li ilhom jiffaċċjaw. Ma jonqosx li f’żoni oħra hemm min għaddej minn tbatijiet ferm agħar. 

Hemm oqsma oħrajn li fihom tista’ taħdem l-OSCE. Fost dawn hemm dak tat-traffikar ta’ persuni.  Dan hu qasam li dejjem kien fil-qalba tal-OSCE.

Minkejja dan it-traffikar uman jibqa’ qasam li fiha għad irid isir ħafna. Hu qasam li qegħdin nibqgħu naraw kriżi wara oħra ta’ traffikar. Traffikar li jisfrutta lil dak l-aktar vulnerabbli. M’hemm ebda dubju li f’dan il-qasam hemm bżonn imbuttatura aktar.  

Għandna sitwazzjoni fejn huma biss inqas minn wieħed  fil-mija il-vittmi ta’ traffikar li huma identifikati. Dan jurik li hemm bżonn ħidma ferm akbar mill-OSCE biex il-vittmi ta’ traffikar uman jiġu identifikati. Fin-nuqqas ta’ dan, li jiġri hu li aktar vittmi jibqgħu moħbijin.  It-traffikar uman hu ta’ theddida u hemm bżonn, illum aktar minn qatt qabel, li l-OSCE tiżviluppa operazzjonjiet fuq bażi nazzjonali u reġjonali biex ikunu identifikati l-vittmi u anke jinqabdu l-imħuħ wara it-traffikar uman. 

Sport