Friday, October 25, 2024

JUSTIN SCHEMBRI

Aqra wkoll

Lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Justin Schembri ma nafux minn Adam. Qatt ma tkellimna. Naf li huwa l-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista għall-Edukazzjoni. Minn dak li qrajt dwaru huwa wkoll għalliem.

Fil-jiem li għaddew l-Onorevoli Schembri kien fl-aħbarijiet b’riżultat ta’ kumment li għamel fuq Facebook. Il-bidu ta’ din l-istorja jmur lejn rappurtaġġ minn ONE intitolat Lokalitajiet indaf u spazji miftuħa miżmuma tajjeb. Il-PM b’laqgħat ma’ ħaddiema differenti. Kien rapport dwar waħda mill-attivitajiet li l-Partit Laburista organizza b’konnessjoni ma’ Jum il-Ħaddiem.

Kif jiġri s-soltu taħt ir-rapporti fuq Facebook ikun hemm l-ispazju għall-kummenti. L-Onorevoli Schembri ħass li għandu jagħmel kumment abbinat mat-titlu tar-rapport. Kiteb hekk: U kullimkien mandra. Malta mandra ġabha l-Gvern. Mimlija ħmieġ, żdingar u Indjani. U min jgħid li qed nigdeb, iħares madwaru.

Bħal dejjem, jew rarament, m’inix se nattakka l-messaġġier (l-Onorevoli Schembri) imma se nattakka l-messaġġ, partikolarment il-parti fejn tirrigwarda l-Indjani. Fl-opinjoni tiegħi kumment dispreġjattiv. Kumment li jinsulenta lill-poplu Indjan inġenerali u b’mod partikolari lill-komunità Indjana fostna. Fl-opinjoni tiegħi kull attentat biex l-Onorevoli Schembri jiskolpa ruħu mill-mod żbaljat tiegħu, huwa u jkun fallaċi. Għax m’hemmx mnejn joħroġ. Jipprova kemm jipprova. Fl-opinjoni tiegħi huwa kumment razzist.

U ngħid għala. Nieħdu l-kumment tal-Onorevoli Schembri fit-totalità tiegħu biex żgur ma jkunx hemm min jgħid li ħadtu barra l-kuntest. Qalilna li kullimkien mandra. Qalilna li Malta mandra ġabha l-Gvern. Spjegalna x’inhi mandra billi qalilna li mimlija ħmieġ, żdingar u Indjani. Mela skont l-Onorevoli Schembri it-tliet elementi li minnhom hija komposta l-mandra huma l-ħmieġ, l-iżdingar u l-Indjani. It-terminu Indjani trid tikkunsidrah fil-kuntest taż-żewġ ‘kwalifiki’ l-oħra, ħmieġ u żdingar.

Bl-argument tal-Onorevoli Schembri l-ħmieġ u l-iżdingar li skont hu tarahom u ssibhom kullimkien, li żgur li mhux il-każ, ikkawżawh kollu l-Indjani li hawn fostna? Għaliex jgħid li l-Gvern lil Malta ġabha mandra? Mela huwa l-Gvern li jmur iħammeġ il-postijiet fejn jirriżulta li jkun maħmuġ? Jew huwa l-Gvern li mbagħad wara li N-NIES iħamġu jibgħat lill-ħaddiema jnaddfu? U n-NIES li jkunu ħamġu, għax mhux kull ħmieġ jaqa’ mis-sema jew ikun kawżat minn sorsi naturali, kollha huma INDJANI? M’hemmx Maltin u Għawdxin fosthom? M’hemmx Pakistani? M’hemmx Kolumbjani? M’hemmx Nepaliżi? M’hemmx Ingliżi? M’hemmx Taljani? M’hemmx Sirjani? U tista’ ssemmi razez oħrajn li minnhom għandna fostna diversi.

Sadattant, la darba l-INDJANI għall-Onorevoli Schembri huma wieħed mit-tliet elementi li qegħdin jikkawżaw mandra fostna, ikun lest jirrifjuta xi servizz mediku li nafu li hemm tobba u infermieri Indjani li jipprovduh fl-isptarijiet tagħna? Lest l-Onorevoli Schembri jekk ikollu bżonn jidħol l-isptar hu jew xi ħadd mill-familja tiegħu jagħmel kundizzjoni li ma jarawhx tobba jew infermieri Indjani? Lest li ma jużax trasport pubbliku jekk il-vettura tkun misjuqa minn xufier Indjan? Lest li ma jħallix li l-iskart domestiku tiegħu jinġabar minn ħaddiem Indjan? Lest li jagħmel kundizzjoni lil xi kumpanija privata li jkun qabbad biex tagħtih xi servizz f’daru li fost il-ħaddiema li jintbagħtu għandu ma jkunx hemm ħaddiema Indjani?

Waqt li kont qed nippjana din il-kitba bdejt intella’ u nniżżel nagħmilx mistoqsija diretta: Għaliex din il-mibegħda? Finalment iddeċidejt li nagħmilha. Anke jekk nasal biex nikkonċedi li jekk mhux mibegħda allura preġudizzju.

Xi ħaġa oħra li tinkwetanti, u nistqarr li tinkwetani mhux ftit, huwa l-fatt li l-Onorevoli Schembri huwa għalliem. Is-sitwazzjoni tiggrava ruħha bil-fatt li l-Onorevoli Schembri huwa l-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni.
Ma nkunx nixtieq li wliedi jkunu esposti għall-possibiltà li jasal għandhom twemmin bħal dak li fl-opinjoni tiegħi għandu l-Onorevoli Schembri versu l-komunità Indjana fostna. Għand uliedi nkun nixtieq li jasal għarfien dwar rispett lil kull uman ieħor. Hu x’inhu l-kulur ta’ ġildu. Hu x’inhu t-twemmin reliġjuż tiegħu.

X’differenza mill-mod kif l-Ordni tal-Patrijiet Tereżjani f’Bormla qed timxi mal-komunità Indjana! Jidhirli li qrajt li din l-Ordni fetħet il-bibien tal-knisja tagħha f’Bormla biex tkun tista’ ssir quddiesa kull ġimgħa speċifikament b’lingwa partikolari għall-Indjani.

Hekk nemmen li għandu jkun il-messaġġ, l-attitudni, fil-konfront ta’ komunitajiet barranin fostna u mhux dak espress b’mod tant ċar mill-Onorevoli Schembri. Jaf jew ma jafx l-Onorevoli Schembri kemm imbarazza lill-Partit Nazzjonalista bil-mod dispreġjattiv li esprima ruħu bih fil-konfront tal-komunità Indjana fostna?

Ilumni l-Onorevoli Schembri jekk ngħid li bl-aġir tiegħu wassalni biex sinċerament nemmen li huwa razzist?

[email protected]

Sport