Thursday, December 26, 2024

“Kalmi u sodi nġibu aktar bidliet bis-saħħa tiegħek… bis-saħħa tal-vot tiegħek fit-8 ta’ Ġunju”- Il-PM

Aqra wkoll

It-8 ta’ Ġunju hu jum importanti għax bil-vot tagħna irridu naħdmu biex dak li ksibna, jibqa’, anzi dak miksub irid jixprunana għal aktar kisbiet. Messaġġ mill-aktar b’saħħtu li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela t-Tlieta filgħaxija f’Ħaż-Żebbuġ quddiem folla mill-isbaħ li nġabret biex tisma’ d-diskors ta’ Dr Abela.

Dr Robert Abela sostna li l-Partit Laburista jibqa’ l-moviment tal-bidla, li jġib bidliet soċjali u progressivi. Minn bidliet fil-liġi tal-IVF biex aktar persuni jsiru ġenituri f’pajjiżna stess fi żmien li l-establishment kien iwaħħal fin-natura u jfarfar ir-responsabbiltà, għal bidliet favur persuni LGBTIQ+, fejn illum tista’ tħobb lil min trid u għandek l-Istat jappoġġja l-għażla tiegħek.

Il-Mexxej Laburista semma wkoll riformi oħra li wettaq Gvern Laburista, bħall-iskema New Hope biex persuni li kellhom kundizzjonijiet mediċi serji, setgħu jsiru sidien ta’ darhom għax qabel l-industrija finanzjarja qaltilhom le għal self finanzjarju fuq proprjetà. Imbagħad kellek l-iskema ta’ Equity Sharing, li quddiem realtajiet ta’ persuni li jisseparaw aktar tard fil-ħajja, il-Gvern daħal bi sħab mal-persuna biex din ikollha post tagħha fejn tgħix minħabba li kien iżjed diffiċli li tikseb self mill-bank.

Il-Prim Ministru qal li minn inizjattiva bħal New Hope illum hawn 15-il persuna li l-Gvern fetħilhom il-bieb tal-futur filwaqt li iktar minn 250 persuna gawdew mill-miżura tal-Equity Sharing. Hawn il-Prim Ministru qal ukoll li dan kollu seħħ bis-saħħa tal-poplu, bis-saħħa tal-vot tan-nies li taw fiduċja lill-moviment li ġab u jrid jibqa’ jġib bidliet. Kien hawn li l-Mexxej Laburista aċċenna li ma nistgħux nieqfu iżda rridu nibqgħu nġibu bidliet progressivi. “L-ikbar theddida tkun li nidħlu f’xi comfort zone”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela hu u jisħaq li fadal riformi oħra bħall-bidla fil-Qorti tal-Familja li tindirizza realtajiet fis-soċjetà tagħna.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista semma wkoll kif it-tim ta’ kandidati mġedded f’Ħaż-Żebbuġ irid ikompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li sar u appella biex il-votant f’Ħaż-Żebbuġ jivvota għall-kandidati Laburisti kollha li qed jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fil-lokalità. “Huma l-garanzija ta’ tmexxija soda f’Ħaż-Żebbuġ. Agħtuhom l-appoġġ kollu tagħkom”, qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru fisser kif fuq in-naħa l-oħra hemm Oppożizzjoni li hi maħnuqa minn establishment konservattiv, li titkellem fuq il-gwerra iżda xogħol il-politiku hu li ġib l-għaqda, li jisma’ lin-nies u jimplimenta. “L-ebda establishment ma jista’ jirbaħ kontra l-vot tagħkom. Hekk biddilna lil pajjiżna, bis-saħħa tal-vot tagħkom”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jisħaq favur il-kalma. Temm jgħid, “Kalmi u sodi nibqgħu niddiskutu u nimplimentaw il-proposti għax dan huwa l-moviment li jemmen fin-nies, li jagħti s-Saħħa lill-Għawdxin, li jagħti s-Saħħa lill-Maltin.”

Ekonomija

Sport