Monday, May 20, 2024

Kampjonat Premier: L-aqwa żewġ timijiet kontra xulxin

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab it-tmien ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier fejn, bla dubju, jispikka l-konfront bejn l-ewwel żewġ timijiet, Hibernians u Birkirkara.

Partita oħra interessanti hija dik bejn Floriana u Gżira United filwaqt li ċ-champions Hamrun Spartans jilagħbu kontra Sirens.

Partita oħra li fiha l-importanza tagħha hija dik min-naħa t’isfel tal-klassifika bejn Sliema Wanderers u Mosta.

Birkirkara v Hibernians – Din il-partitissima tiftaħ il-programm fejn mistennija tiġbed l-akbar folla tal-istaġun.

Hibernians jim­miraw li jkabbru s-sensiela tagħhom mingħajr telfa biex fl-istess waqt  jiftħu vantaġġ ta’ sitt punti fil-quċċata tal-klassifika.

Min-naħa l-oħra, Birkirkara jimmiraw li jirritornaw lura għar-rebħ wara t-telfa ta’ 3-2 kontra Sirens.

Minkejja li l-Pawlisti ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Valletta xorta waħda żiedu l-vantaġġ għal tliet punti fil-quċċata. Issa l-pressjoni tinsab kollha fuq l-Istripes u jekk iridu jibqgħu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu, xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom biex fl-istess waqt jiftħu beraħ l-isfida għar- rebħ tal-kampjonat. 

Iż-żewġ timijiet għandhom il-players kollha disponibbli hekk kif Ryan Scicluna (Birkirkara) u Ferdinado Apap (Hibernians) jirritornaw għall-azzjoni minn sospensjoni.

Valletta v Sta Lucia – Valletta jilagħbu kontra Sta Lucia li għadhom qed ifittxu rebħa.

Huma jinżlu b’moral għo­li wara li ġejjin minn ri­żultat ta’ draw kontra Hibernians grazzi għar-rimonta li għamlu fit-tieni taqsima wara li daħlu jistrieħu fi żvantaġġ ta’ goal.

Fil-veritá dik il-logħba kellha żewġ uċuh għax fl-ewwel taqsima Hiber­nians kienu l-aħjar team iżda wara l-mistrieħ il-Beltin dehru team trasformat u meritatament kisbu d-draw permezz tas-sostitut, Shaun Dimech.

Min-naħa ta’ Sta Lucia, dawn ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals kontra Sliema Wanderers.

U minkejja li gawdew minn superjoritá numerika għal aktar minn siegħa naqsu li jinfdu d-difiża avversarja … biex b’hekk issa ilhom 10 partita mingħajr rebħa.

Huma se jiffaċċjaw team li bħal donnu qed isib il-forma wara bidu nċert fejn il-Lilywhites jibdew favoriti li joħorġu bit-tliet punti.

Telfa għal-Luċjani tħallihom fil-periklu tar-relegaz­zjoni. Huma se jkollhom lura lid-difensur, Jurgen Pisani, minn sospensjoni. 

Hamrun S. v Sirens – Hamrun Spartans jilagħbu kontra Sirens hekk kif iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa.

Iċ-champions renjanti kisbu rebħa komda ta’ 3-1 kontra Gudja United li poġġiethom fis-sitt post iżda għadhom tmien punti taħt il-leaders Hibernians.

Ispirati minn Matthew Guillaumier, l-Ispartans ipproduċew l-aħjar prestaz­zjoni tagħhom tal-istaġun, fejn ikkontrollaw l-andament għal ħinijiet twal u qatt ma dehru f’xi periklu li setgħu jitilfu xi punt minn dan il-konfront.

Min-naħa l-oħra, Sirens dawru telfa f’rebħa ta’ 3-2 kontra Birkirkara. Il-perseveranza tagħhom tat il-frott mixtieq b’zewġ goals fi spazju ta’ erba’ minuta li ħasdu lill-Karkariżi bil-konsegwenza li dawn tal-aħħar ikkrollaw fit-tieni taqsima.

B’Sirens jinsabu fit-tielet post tal-klassifika, huma se jkunu mingħajr iż-żewġ players influwenti, Kemar Reid u Degran Jackson, li tkeċċew kontra Birkirkara.

Il-goalkeeper ta’ Hamrun Henry Bonello qed jirkupra minn injury.

Balzan v Gudja U. – Balzan jiltaqgħu ma’ Gudja United hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Gzira Uni­ted wara li għamlu rimonta biex inqalgħu min-naħa t’isfel tal-klassifika.

Huma dehru resqin lejn it-tielet telfa konsekuttiva iżda żewġ goals f’żewġ minuti kkanċellaw il-vantaġġ tal-Maroons. Rebħa kontra Gudja tkun tfisser li l-Balzanin jitilgħu f’żona aktar komda fil-klassifika kif ukoll possibbiltá kbira li jisfidaw għal post fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Gudja ġejjin minn żewġ telfiet infila u għaldaqstant il-pressjoni tinsab fuqhom hekk kif jinsabu punt biss fuq iż-żona l-ħamra.

Iż-żewġ timijiet għandhom player li se jirritorna minn sospensjoni – Augustin Loof għal Balzan u Igor Dudarev għal Gudja.

Floriana v Gzira U. – Din hija logħba bejn żewġ timi­jiet li huma neqsin mill- konsistenza. Minn seba’ ħarġiet, huma rreġistraw żewġ rebħiet biss. Filwaqt li Floriana kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Mosta, Gzira sfaw megħluba minn 2-1 Balzan.

Iż-żewġ timijiet ma jaffordjawx joħorġu b’idej­hom vojta għall-fatt li jridu jibqgħu jżommu kuntatt mat-timijiet ta’ fuq biex ma jinqabdux mal-grupp tar-Relegation Pool.

Din għandha tkun laqgħa bilanċjata u tista’ tmur kull naħa… bl-iċken żball jista’ jkun detrimentali.

Il-Greens jilqgħu lura lil Kristian Keqi minn sospensjoni iżda se jkunu mingħajr Nicolas Garcia u Augusto Caseres  għax sospiżi. Sadanittant, id-di­fensur tal-Maroons, Steve Borg, għadu mweġġa’.

Sliema W. v Mosta – Sliema Wanderers se jerġ­għu jkunu taħt il-lenti hekk kif jinsabu fil-qiegħ tal- klassifika  mingħajr l-ebda rebħa bil-konsegwenza li  huma d-diżappunt ta’ dan l-istaġun.

Huma se jaffrontaw lil Mosta hekk kif iridu jindirizzaw bosta problemi … l-aktar fl-attakk minħabba l-fatt li f’erba’ partiti (minn sebgħa) naqsu li jsibu x-xibka avversarja. 

Iżda fid-draw ta’ 0-0 kontra Sta Lucia huma pproduċew wirja mill-aqwa me­ta b’għaxar players għal aktar min siegħa wara li tkeċċa Danny Holla, rnex­xielhom jiksbu punt. 

Mosta salvaw punt fid-draw ta’ 1-1 kontra Floriana lejn l-aħħar ħinijiet. Iżda l-Blues jibdew favoriti kontra l-Wanderers li jistgħu jqumu għall-okkażjoni.

Filwaqt li Sliema se jku­nu mingħajr is-sospiżi Holla u Dejan Vukovic, Jonas Rodriguez (Mosta) mhux se jilgħab għall-istess raġuni.

Sport