Friday, May 17, 2024

Isir jaf 33 sena wara li ma kinitx bintu

Aqra wkoll

It-tifla kienet taf b’dan u żammet kollox mistur għal 10 snin

Każ partikolari nstema’ quddiem il-Qorti tal-Familja hekk kif raġel sar jaf mingħand l-eks mara tiegħu wara 33 sena li dik li huwa kien iqis bħala bintu fil-fatt ma kinitx tiegħu.

Ir-raġel kien fetaħ kawża fejn talab lill-Qorti tiddikjara li huwa mhuwiex il-missier naturali tat-tifla. Huwa kien iżżewweġ lill-mara fl-1985 u minn dan iż-żwieġ sentejn wara twieldet it-tifla. Jirriżulta li l-koppja sseparaw fis-sena 2000 u erba’ snin ilu ħadu d-divorzju. 

Fil-Qorti ħareġ li kien f’Lulju tas-sena li għaddiet meta l-omm infurmat lir-raġel illi t-tifla ma kinitx il-wild naturali tiegħu iżda kienet konċepita minn relazzjoni extra-matrimonjali li kien hemm bejnha u dak li kien iħaddimha.

Ħareġ ukoll li t-tifla kienet taf b’dan il-fatt għal aktar minn 10 snin iżda qagħdet lura milli tagħrfu b’dan sabiex ma tweġġax lir-raġel u li dan il-fatt kien konfermat b’testijiet xjentifiċi. Fil-fatt, minn testijiet ġenetiċi li ġew ippreżentati fil-Qorti rriżulta li r-raġel ma kienx il-missier bijoloġiku tagħha. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Imħalef Jacqueline Padovani Grima, qalet li huwa ċar li l-bint, għalkemm kienet taf b’dak kollu, ma kellhiex teħel bl-ispejjeż tal-kawża. Dan għaliex għall-maġġor parti ta’ ħajjitha hija trabbiet bħala bint ir-raġel u l-mara.

“Għalhekk huwa indiskuss li hija ma taħtix għas-sitwazzjoni preżenti,” qalet il-Qorti li saħqet li l-ispejjeż kollha ta’ dawn il-proċeduri kellha terfagħhom l-omm minħabba li kien wara tant snin li l-verità dwar il-paternità ta’ bintha nġabet a konoxxenza tar-raġel.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti ddikjarat li r-raġel ma kienx il-missier naturali tat-tifla filwaqt li l-kunjom tagħha għandu jkun dak ta’ ommha. Hija ordnat ukoll lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jħassar minn fuq l-att tat-twelid tagħha kull referenza għar-raġel.

Sport