Tuesday, December 24, 2024

“Kelli mumenti fejn ħassejt li kont se nieqaf”

Aqra wkoll

Fabio Spiteri, li rnexxielu jdur bir-rota mal-kosta ta’ Sqallija f’inqas minn jumejn

It-triatleta Malti Fabio Spiteri kiser rekord ieħor mill-ħafna li għandu meta riċentement saq 970 kilometru bir-rota madwar Sqallija f’inqas minn 48 siegħa.

Hu sar it-tieni persuna fl-istorja li għamel din il-bravura u għalhekk daħal f’dan l-album storiku flimkien maċ-ċiklista l-ieħor li għamilha.

Din mhux l-ewwel darba li Spiteri wettaq din il-biċċa xogħol ferm iebsa wara li f’Ottubru 2020 kien saq bir-rota għal jumejn u tmien sigħat.

Madankollu din id-darba hu tejjeb il-ħin tiegħu kompletament bi tmien sigħat inqas tant li rreġistra 47 siegħa, 41 minuta u 44 sekonda. Ma kinitx biċċa xogħol faċli għall-atleta ta’ 47 sena li jagħmel din it-tiġrija meta kif mistenni sab mumenti ta’ diffikultà kbira sabiex idur ma’ din il-gżira ġara ta’ Malta.

L-għan ta’ Spiteri kien wieħed karitattiv hekk kif qed jimmira li jiġbor total ta €50,000 bis-somma miġbura tmur għall-bżonnijiet tal-annimali abbandunati speċjalment dawk ix-xelters li jipprovdu mħabba u għożża lejn dawn il-kreaturi tant ħelwin.

Aħna kellimna lil Fabio fejn deher ferm għajjien wara jumejn sħaħ jaqdef bir-rota. Madankollu wiċċu deher ferm kuntent wara bravura li rnexxielu jagħmel.

“Kienet ilha f’moħħi li nerġa’ nagħmel id-dawra ta’ Sqallija għalkemm din id-darba ridt nagħmel dan kollu f’inqas minn 48 siegħa. Nammetti li batejt ħafna għalkemm kelli idea x’se nsib quddiemi.”

Spiteri qal li kien hemm mumenti fejn kien qed jaħseb li jieqaf speċjalment meta l-għejja bdiet tagħmel tagħha. Madankollu sħabu ma ħallewhx minuta anzi bdew ituh l-inkoraġġiment neċessarju sabiex jasal għat-tragward ewlieni tiegħu. 

“Minn hawn nixtieq nirringrazzja lit-tim tiegħi li beda jħeġġiġni sabiex ma naqtax qalbi minkejja kollox. Huma parti minn dan is-suċċess għax kienu huma stess li żammewni sod sal-aħħar tat-tellieqa.”

Saqsejna lil Fabio Spiteri dwar kif jipprepara mentalment u fiżikament qabel tellieqa bħal din. Hu qalilna li l-isport ewlieni tiegħu hu proprju l-ultra-distance u għalhekk jaf minn xiex ikollu jgħaddi. Hu tħarreġ ferm matul dawn l-aħħar xhur sabiex jasal għal dan it-tragward. Sqallija mhux gżira daqstant ċatta minħabba li esperjenza madwar 7000 kilometru ta’ diżlivell. Hu kkonferma l-għejja tiegħu wara dawn il-jumejn fejn jekk ma tkunx ippreparat sew fiżikament, tista’ tispiċċa ħażin. Bla dubju li t-taħriġ li għamel serva mitqlu deheb.

“Peress li għamilt madwar 48 siegħa b’dahri mgħawweġ insuq ir-rota, faċli tillokja ruħek. Saqajja ħafna drabi ma bdejtx niflaħhom, għamilt sforz kbir għalkemm meta tara l-pakkett kollu, tasal biex tħossok sodisfatt u minn dan kollu joħroġ ħafna frott.”

Meta saqsejnieh dwar l-ammont ta’ flus miġbura wara din l-attivita’ filantropika, Spiteri qal li jrid jiċċekkja kollox sew għalkemm indika li kien hemm ammont sabiħ li diġa’ bdew jingħadu. Hu se jkun qed iqassam dawn il-flus miġbura fi 18-il xelter tal-annimali f’Malta u Għawdex kif ukoll ammont ieħor se jmur għal- post ieħor fi Sqallija li wkoll se jkun qed jibbenefika minn din l-inizjattiva.

Saqsejnieh ukoll dwar is-sigurta fit-toroq Maltin u x’differenza ra meta kien qed itellaq fi Sqallija.

“Hemm differenza kbira l-aktar fil-mentalità tas-sewwieqa. F’Malta ċerti minnhom kif jaraw ċiklist fit-triq, jibdew ipaqpqulu biex jersaq min-nofs filwaqt li fi Sqallija, is-sewwieqa mdorrijin għal dawn it-tip ta’ tiġrijiet. Peress li jsiru diversi edizzjonijiet tal-Giro d’Italia, is-sewwieqa mdorrijin jikkollaboraw. Wieħed minn dawn iċ-ċiklisti hu proprju Damiano Caruso li tant ġab suċċessi lejn Sqallija.”

Spiteri irrakkonta kemm kienet diffiċli meta għadda minn Palermo filgħodu u Catania waranofsinhar minħabba li t-traffiku kien xi ftit kaotiku għalkemm kif qal hu stess, is-sewwieqa ftit tawh battikati.

Spiteri ammetta wkoll li kemm ilu li hawn il-pandemija tal-COVID-19, il-popolarità fiċ-ċikliżmu żdiedet aktar u dan hu sinjal tajjeb. Jonqos biss li s-sewwieqa jirrispettawhom aktar għax iridu jżommu f’moħħhom li t-triq trid tinqasam bejn tnejn. 

Finalment x’għandu f’moħħu Fabio Spiteri fil-futur qrib? “Xi ħaġa nivvinta żgur! Qed iberren ġo moħħi li nerġa’ nagħmel id-double ironman is-sena d-dieħla għalkemm wieħed irid jara x’se jiġri. Li hu żgur hu li bħalissa se nagħmel tliet ġimgħat mingħajr ma mmiss rota u nistrieħ ftit sabiex nirkupra saħħti lura.”

Ekonomija

Sport