Kull min hu midħal tal-Ġnejna jaf li bil-ġaraxx tal-‘Ħaqqu’. Il-garaxx li fih kien ikun hemm Anġlu jagħmel in-nassi tal-voti u taċ-ċawl. Kont tgħaddi minn hemm u tara dak il-garaxx mimli ritratti u materia ieħor konness mal-ħdim tan-nassi. Anġlu llum għalkemm għadu jagħmel in-nassi, m’għadux jinżel daqstant il-Ġnejna.
Meta ftit jiem ilu tkellimna ma’ Anġlu fid-dar tiegħu fl-Imġarr spjegalna li hu oriġinarjament hu mix-Xewkija. Imma qatta ħajtu l-Imġarr. Ħajtu dejjem kienet marbuta mal-baħar. Sajd jew ħdim tan-nassi. Magħruf bħala li hu ‘sajjied prim’.
Qalilna mill-ewwel li “jien ħajti qattajta fuq il-baħar. Jien mix-Xewkija imma konna ġejna l-Imġarr u bqajt hawn. Aħna kollha għexna mill-baħar. Il-Bużnannu, in-nannu missieri u aħna. Il-baħar kien l-għixien tagħna”. Jieqaf ftit u jgħidli “subien konna jien u hija. Jien biss għadni ħaj. Jien iż-żgħir.
Ħafna żarmaw mix-xogħol tan-nassi
Jgħidilna li “ħafna żarmaw minn dan ix-xogħol. Illum ftit fadal min jaħdem. It-tfal illum qegħdin jerfulu mill-baħar. Hekk illum.” Imma llum hawn min qiegħed jitgħallem din is-sengħa? Fiż-żgħażagħ hemm interess biex jitgħallmu din is-sengħa u b’hekk ma narawhiex tmut.
Anġlu jiddikjara mill-ewwel li “ma tantx iridu jitgħallmu llum. Sejrin lura dawn li jagħmlu n-nassi. Min iżarma minn hawn u min iżarma minn hemm. Ix-xogħol jonqos qiegħed. Jien il-garaxx tiegħi għadu l-istess. Bin-nassi ġo fih. U jien hawn. Id-dgħajsa hemm ukoll qiegħda. Għandi disgħin neqsin ftit”.
Il-proċess biex tibda tinħadem nassa jibda billi tintagħażel qasba u jibda inaddafha u jneħħi l-ħażin u l-qxur. Wara li jnaddafha jaqsamha f’diversi xquq ta’ madwar 7 piedi tul. Minn qasba joħroġ bejn 20 u 24 xaqq. Għal nassa trid madwar 100 xaqq.
Kull xaqq jrid jinħadem. Titqaxxar il-parti ta’ gewwa. Wara jitqaxxar għat-tond biex ikun jista’ jinħadem skont il-forma tan-nassa. In-nassa jibdiha billi juża id-dijsa għall-qiegħ. Id-disa tinġab mit-Tuneżija. Kien hemm żmien meta l-gvern kien jimpurtaha proprju għal dawk li jaħdmu n-nasses. Imbagħad jorbot il-flieli mad-dijsa. Dawn jorbothom b’ħajt magħmul mill-Keneb, ħajt minn ħaxixa li aktar ma jixxarrab aktar isir b’saħtu. Keneb. Kull nassa ikun fiha dak li jissejjaħ il-magħlaq, li hu l-għatu. Biex il-ħut ma jaħrabx. Dan jinżamm f’postu b’biċċtejn qasba.
Hemm diversi kliem marbut man-nassa fejn jekk nieħdu dik tal-Arżnell naraw li l-parti ta’ fuq jgħidulha ‘r-ras’. Għandek imbagħad dak li jissejjaħ Irdublin, li huma tliet xaqqijiet ftit eħxejn u li ssiebhom fuq in-naħa ta’ fuq. Taħt għandek il-parti magħrufa bħala ‘iċ-ċirku’ u fuq ġewwa għandek ‘il-Kampa’ u “l-Bogi’.

