Tuesday, May 14, 2024

“Kelli nieħu azzjoni biex id-drittijiet tiegħi ma jibqgħux jiġu miksura” 

L-eks PM Joseph Muscat jixhed fil-kawża li fetaħ għar-rikuża tal-Maġistrat Gabriella Vella mill-inkjesta dwar l-isptarijiet

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat tela’ jixhed fil-kawża li fetaħ biex il-Maġistrat Gabriella Vella ma tkomplix tmexxi l-inkjesta fuq l-isptarijiet kif ukoll biex l-atti tal-inkjesta jiġu assenjati lil Maġistrat ieħor. 

Dr Muscat qal li: “m’iniex avukat, imma minn aspett loġiku, mal-mument li l-Maġistrat Vella ddeċidiet li żżomm mal-qraba tagħha, inħolqot il-ħtieġa għar-rikuża tagħha.” Tenna li għalhekk “kelli nieħu azzjoni sabiex niżguraw li d-drittijiet tiegħi ma jibqgħux jiġu miksura.”

Dr Muscat kompla jgħid li fid-digriet tagħha, il-Maġistrat inkwerenti tat raġunijiet biex tiċħad it-talbiet tiegħi fejn qalet li l-kummenti li saru kienu “libertà tal-espressjoni.” “Irrid nixhed biex nissavalgwardja d-drittijiet tiegħi u l-Maġistrat qalet li kienet qiegħda tieħu l-miżuri kif xieraq.” 

L-eks Prim Ministru qal ukoll li qatt ma rċieva risposta u qatt ma ġie notifikat. Iżda kien hemm rapporti fil-midja dwar din l-inkjesta u saret anke tfittxija fir-residenza tiegħu. 

L-Avukat tal-Istat staqsa lil Muscat jekk jafx x’inkjesta maġisterjali qed issir. Huwa wieġeb li kien hemm talba għal inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. “Issemmew tliet Ministri. Nifhem li inkjesta bħal din hija investigazzjoni dwar din il-kwistjoni,” qal Muscat.

Ix-xhud kompla jgħid li ma kellu l-ebda problema li xi ħadd ikollu fehmiet differenti minn tiegħu, għax wara kollox dik hija l-politika. Qal li għalhekk huwa rari fetaħ kawżi ta’ libell f’ħajti.

Jgħid li għandu rispett sħiħ lejn il-qraba tal-Maġistrat u għandhom kull dritt għall-opinjoni tagħhom. Sostna li wieħed minnhom huwa qrib ta’ NGO li talbet għall-inkjesta fl-ewwel lok. 

“Imma huma b’xi mod involuti fl-inkjesta? Dak li qed ngħid huwa li peress li esprimew il-fehmiet tagħhom, ipoġġi lill-Maġistrat f’pożizzjoni li trid tilqa’ t-talba għar-rikuża tagħha,” qal Muscat.

Il-każ, li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Doreen Clarke li qed tippresjedi l-Prim Awla tal-Qorti Ċivil, ikompli.  

L-Avukat Charlon Gouder qed jassisti lil Joseph Muscat. Għall-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat deher l-Avukat James D’Agostino. 

Sport