Tuesday, May 14, 2024

18,000 applikazzjoni għal regolarizzazzjoni ta’ binjiet

Aqra wkoll

Fl-intervent tiegħu fil-Parlament dwar il-mozzjoni li tipproponi emenda għall-Avviż Legali 96 tal-2023 dwar ir-Regolarizzazzjoni ta’ Żvilupp Eżistenti, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li n-numru ta’ applikazzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni li ġew approvati mill-2016 lil hawn kienu jammontaw ‘il fuq minn 18,000.

Huwa enfasizza li b’dan il-mod dawk il-familji u koppji li sabu diffikultajiet minħabba nuqqasijiet minuri fil-propjetà tagħhom ingħataw il-possibiltà li jbigħu l-propjetà jew jwettqu bidliet oħra meħtieġa fil-propjetà tagħhom.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li l-iskop tar-regolarizzazzjoni mhuwiex li jirregolarizza art li tinsab barra miż-żona tal-iżvilupp. Huwa qal li l-iskop tar-regolarizzazzjoni mhuwiex lanqas li nistabbillixxu policies ġodda kif qed titlob l-oppożizzjoni, iżda li permezz tiegħu jiġu regolati nuqqasijiet minuri fi propjetajiet eżistenti li jinsabu fiż-żona tal-iżvilupp u parzjalment barra ż-żona tal-iżvilupp.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li r-Regolamenti tal-2023 li jemendaw ir-Regolamenti dwar ir-Regolarizzazzjoni ta’ Żvilupp Eżistenti mhux miftuħa u mhux “across the board” iżda jridu jimxu mal-parametri stabilliti mil-liġi tal-Awtorità tal-Ippjanar. Kien għalhekk li nħolqot Kummissjoni li tapprova jew tiċħad il-permess abbażi ta’ numru ta’ parametri. Pereżempju, min japplika għandu juri li n-nuqqas kien jeżisti fl-2016 jew qabel u li l-binja li fuqha persuna qed titlob ir-regolarizzazzjoni trid tkun koperta b’permess skond policies viġenti meta nħareg il-permess.

Huwa nnota li dan il-proċess fl-2016 l-Oppożizzjoni ma kinitx kontra tiegħu u issa qed tipproponi biss xi emendi imma fil principju qed taqbel mieghu. Dr Zrinzo Azzopardi żied jgħid li l-unika bidla li saret mir-regolamenti tal-2016, fl-Avviż Legali 285 dwar ir-Regolarizzazzjoni ta’ Żvilupp Eżistenti kien f’regolament numru 3.

Dan ir-regolament ġie emendat permezz tal-avviż legali li ġie pubblikat din is-sena biex dawk il-propjetajiet li b’xi mod jew ieħor ikunu f’art f’żona ta’ żvilupp iżda jkollhom biċċa minnhom f’żona barra l-konfini tal-iżvilupp, sidhom ma jitilfux l-eliġibiltà li japplikaw għar-regolarizzazzjoni.

Sport