Sunday, November 24, 2024

KIEKU?

Aqra wkoll

Kieku l-ħaddiema barranin mhux minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea… u anke, għaliex le, dawk minn pajjiżi Ewropej… kellhom il-vot, kif kienu jivvotaw fl-elezzjonijiet ġenerali? U kif il-vot tagħhom kien jibdel ir-riżultat elettorali?

Jidher ċar li bin-numri li għandna fostna ta’ dawn iċ-ċittadini llum, kienu jistgħu jagħmlu differenza kbira, determinanti, fuq ir-riżultati. Il-piż elettorali tagħhom kien jirrifletti sew il-kontribut li qed jagħmlu għas-sostenn tal-ekonomija tal-pajjiż u tas-servizzi soċjali. 

Il-partiti kif kien ikollhom jaddattaw il-programmi tagħhom biex jissodisfaw l-esiġenzi ġusti ta’ dan l-elettorat ġdid? Jew kien ifaqqas – did-darba b’saħħa li qatt ma eżistiet qabel – partit ġdid li jirrifletti l-interessi tal-ħaddiema barranin?

Fir-realtà dil-ħaġa mhijiex qrib. Il-ħaddiema barranin qiegħdin hawn biex jaħdmu, ħafna minnhom għal pagi li l-Maltin ma jridux, biex iwettqu xogħol li ma jinteressax lill-Maltin. La m’għandhomx vot, ftit hemm interess fil-qagħda tagħhom, għalkemm qed iħallsu taxxi daqsna lkoll. Allura s-soċjetà Maltija fil-verità qed tapprofitta ruħha minnhom?

ĦINIJIET TAL-FTUĦ

Kien hemm żmien meta l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet kienu ristretti – b’waqfa għal nofsinhar u bl-ebda negozju fil-Ħdud, ġieli anke fil-waranofsinharijiet tas-Sibt. Kienu ħinijiet li japplikaw għal kulħadd jew kważi. Meta saru biex il-ħinijiet jiġu liberalizzati, kien iqum rebus.

Kienet ħaġa tajba kieku l-ħinijiet tħallew ristretti għal kulħadd, ħalli s-sidien tan-negozji ż-żgħar tal-imnut ikollhom ħajja familjari diċenti? Jew kien aħjar li l-ħinijiet tħallew ħielsa biex kull negozju jista’ jżomm magħluq jew miftuħ skont kif irid u jaqbillu biex il-konsumatur jinqeda aħjar?

Illum dil-kontroversja hi minsija. Il-liberalizzazzjoni rebħet. In parti, din kienet konsegwenza li ma tantx tissemma, la għat-tajjeb u l-anqas għall-ħażin, tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Se jkun hemm min jgħid li kienet konsegwenza wkoll tal-mod kif is-soċjetà f’Malta u barra żviluppat minħabba l-bidliet ekonomiċi u teknoloġiċi kbar li seħħew bil-globalizzazzjoni.

ĠENN JEW ĦAŻEN?

Tisma’ aħbarijiet dwar fatti diversi li m’hemmx kelma oħra, iwaħħxuk.

Mill-Awstralja ftit ilu, dwar bioloġista rispettat internazzjonalment. Instab ħati li matul is-snin kien jiddobba klieb biex taparsi jindokrahom, u minflok jittorturahom, ikollu sess magħhom (?)  u joqtolhom wara bl-aktar mezzi atroċi.

Minn Franza f’dawn l-aħħar xhur, dwar raġel li kien jagħti lil martu droga biex iraqqadha u “jistieden” imbagħad irġiel oħra biex jiġu jistuprawha.

Xi jkun hemm wara inċidenti bħal dawn, li forsi kienu jbellhu lill-Markiż de Sade? Ħażen fl-agħar sens tal-kelma, disprezz totali għal dak kollu li bħala ħniena u rispett lejn il-ħolqien jagħmilna bnedmin? Jew ġenn ta’ persuna li tilfet kull boxxla ta’ kif tingħex il-ħajja? 

Sport