Saturday, December 21, 2024

“Kien unur li għallimniek”… ”inti kont ta’ ispirazzjoni għalina” – għalliema u infermiera dwar il-mewt ta’ Francesco Spiteri

Aqra wkoll

“Kien ta’ unur li ngħallmek fl-aħħar sentejn. Erġajt rajt il-messaġġ li kont għaddejt b’qalbi maqsuma.  Se tibqa’ f’qalbna”.  Dan kien il-messagġ li għadda l-għalliem Andrew Calleja hekk kif ilbieraħ  tħabbret il-mewt ta’ Francesco Spiteri, żagħżugħ ta’ 15-il sena li kien qiegħed jieħu l-kura f’Rainbow Ward fl-Isptar Mater Dei. 

Maria Vassallo, tikkummenta li “kont tkun muġugħ u mdejjaq u xorta waħda dejjem bqajt bi tbissima fuq wiċċek, u kull darba li kont ngħidlek kuraġġ Francesco, kliemek kien ikun biss “dejjem”. Kemm nixtieq li ghandi nofs il-kuraġġ li kellek int għażiż. Inti kont verament ispirazzjoni għal ħaddieħor.”

Tikkummenta ukoll Naomi Balzan, infermiera fiċ-ċentru tal-Onkoloġija. Tgħid li “għal dejjem f’qalbna. Francesco inti kont ta’ ispirazzjoni għalina. Kont timlilna l-ġurnata. L-umoriżmu tiegħek. Il-kuraġġ u l-ispirtu li kellek se jibqgħu jgħixu magħna.”

Jitkellmu ukoll l-organizazzjoni Puttinu Cares. Fi kliemhom stess: “qalbna maqsuma f’elf biċċa. Tlifna ġuvni gustuż, mimli hlewwa, dejjem tiċċajta u ferrieħi.  Min ħa jiġi jaqbad magħna?  Min ħa jiekol iċ-ċikkulata kollha? Vojt kbir mingħajrek. L-unika konsolazzjoni hi li m’intix iżjed muġugħ u nemmnu li qiegħed tistennina f’post ferm aħjar.  Ħu ħsieb lil oħtok Maria, lil ommok Dorianne u missierek Luke, familja u ħbieb kollha tiegħek.  Sakemm nerġgħu niltaqgħu sbejjaħ tagħna, nżommuk f’qalbna u l-memorji sbieħ li ħallejtnilna ma ninsewhom qatt.  Inhobbuk.”

Il-mewt ta’ Francesco Spiteri, li kellu biss 15-il sena ħasdet lil istudenti u għalliema fl-Iskola tal-Verdala.  Ta’ min jgħid li proprju f’Marzu li għadda l-iskola Verdala ta’ Bormla l-istudenti ingħaqdu biex jagħtu appoġġ lil Francesco li kien qed jieħu trattament fir-Rainbow Ward.

Dakinhar ommu Dorianne, kienet ikkummentat li “grazzi lil management kollu ta l-iskola, staff, għalliema, studenti, ħbieb, ġenituri u l-kulħadd. Dawn l-aħħar jiem kienet ix-xewqa ta Francesco li jżur l-iskola. Grazzi għat-tobba ta’ Rainbow ward li raw l-ewwel is-saħħa tat-tifel biex din tkun possibbli. Dan kien mument indiskrivibbli u ta’ emozzjonijiet kbar. Grazzi li din ix-xewqa saret realtà għal Francesco speċjalment li dejjem taħsbu fih.”

Ekonomija

Sport