Sunday, December 22, 2024

Kienet tgħix u tixtri x’tiekol bil-flus li jagħtuha l-irġiel għal servizzi sesswali addizzjonali

Aqra wkoll

Kolumbjana li taħdem bħala “sex worker” xehdet kif hija kienet qalgħet mal-€2,000 fl-ewwel għaxart ijiem tagħha f’Malta iżda ma kienet żammet xejn minn dawk il-flus għaliha.

Il-mara qalet li rċeviet €1,500 oħra f’tips mill-klijenti tagħha li wżathom biex tħallas il-kera tal-post fejn kienet qed toqgħod u anke baghtet xi flus lill-familja tagħha f’pajjiżha. 

Il-Qorti semgħet ukoll kif il-mara kienet ilha tgħix f’Malta inqas minn ġimagħtejn qabel ġiet arrestata. 

Hija kienet qiegħda tixhed permezz ta’ video conferencing hekk kif quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kompla jinstema’ l-każ kontra tmint irġiel u mara li qed ikunu mixlija bi traffikar uman, ħasil ta’ flus u organizzazzjoni kriminali fost oħrajn. 

L-imputati huma Luke Farrugia ta’ 36 sena mill-Gżira, Clint D’Amato ta’ 36 sena mill-Gudja, Denzil Farrugia ta’ 19-il sena minn Tas-Sliema, Kane Vassallo ta’ 22 sena mis-Siġġiewi, Gordon Cassar ta’ 44 sena mill-Kalkara, Dylan McKay ta’ 30 sena mill-Fgura, Luca Corito ta’ 21 sena mill-Isla kif ukoll Nicolae Efimov ta’ 37 sena u Alexandra Pocora ta’ 32 sena li huma mir-Rumanija.

Fix-xhieda tagħha, il-mara qalet li fil-Kolumbja kienet taħdem bħala sales girl u xi kultant kienet tagħmel xi xogħol ta’ “escort”. Tgħid li fil-Kolumbja, il-prostituzzjoni hi legali u kienet kostretta tagħmel dan ix-xogħol biex tmantni lill-familjari tagħha, inkluż lil bintha. 

Hija kompliet tispjega li saret taf li tista’ tagħmel dan ix-xogħol f’Malta permezz ta’ xi ħbieb tagħha. Ix-xhud qalet li l-ħabiba tagħha kienet ukoll tagħmel l-istess xogħol.

Il-Kolumbjana kompliet tgħid li meta ddeċidiet li tiġi Malta, il-ħabiba tagħha tatha kuntatt minn Malta u l-persuna wara l-istess numru taha informazzjoni dwar it-titjira lejn Malta.

Il-biljetti tal-ajru minn Malta kienu jiswew madwar €3,700 u kienet mitluba wkoll biex iġġib €500 fi flus kontanti magħha. Spjegat li l-ħlas tat-titjiriet kellha tħallashom bil-prostituzzjoni ladarba waslet f’Malta. 

Mal-wasla tagħha f’pajjiżna, għaddha għaliha raġel, li aktar tard identifikatu bħala l-akkużat Clint D’Amato, magħruf mix-xhud bħala “Miguel”. Dan ħadha f’residenza fejn diġa’ kien hemm “escort” oħra tgħix hemm. 

Tgħid li għamlet xi sigħat mistrieħa u aktar tard bdiet tagħmel dan ix-xogħol. Il-ftehim kien li hija tieħu 55% minn dak li kienet taqla’, ladarba tħallas l-ispejjeż tat-titjiriet.

Hija qalet li ma kellhiex ħinijiet fissi u għażlet li taqdi lill-klijenti mill-4.00 p.m. sas-2.00 a.m. Tgħid li f’ġurnata waħda kien ikollha bejn 5 u 6 klijenti u l-għan tagħha kien li taqta’ d-dejn li kellha kemm jista’ jkun malajr. 

Il-flus li jħallsu l-irġiel kienu jitħallew fuq mejda fid-dar u D’Amato kien jiġborhom kuljum f’xi ħin. Ix-xhud stqarret li hija kienet tgħix u tixtri x’tiekol waqt li kienet fid-dar, mill-flus li kienet taqla’ mis-servizzi addizzjonali li jintalbu mill-irġiel.

Fil-kontro-eżami, il-mara kkonfermat li hija kienet fil-libertà li titlaq lura lejn il-Kolumbja u qalet li ma kinitx ġiet trattata ħażin jew abbużata waqt li kienet f’Malta. Qalet ukoll li l-passaport u l-mobile tagħha kienu jinsabu għand il-pulizija.

Il-każ ikompli l-Erbgħa. 

Ekonomija

Sport