Kimberly Zammit, omm ta’ 22 sena qiegħda titlob l-għajnuna tal-poplu Malti biex forsi tkun tista’ tieħu trattament fil-Ġermanja. F’dawn l-aħħar jiem wieħed seta’ jinnota kemm il-poplu Malti u Għawdxi huwa ġeneruż. Dan għaliex minbarra li Zammit irċeviet somma sabiħa, irnexxielha taqta l-biljetti sabiex tibda l-vjaġġ tagħhha fil-Ġermanja.
F’filmat li tellgħet fuq il-midja soċjali, hija rringrazzjat lil kulħadd tad-donazzjonijiet illi qed jagħtu… għax kif jgħid il-Malti kull qatra tgħodd. Kimberly għandha tumur fil-fwied, frixa u f’idejha. Il-marda rari rhabdomyosarcoma ħaditilha tfulitha. Saret taf li għandha l-kanċer meta kellha 19-il sena – waqt li kienet tqila.
Kif welldet, kellha tibda t-trattament mill-ewwel. Tellgħuha l-Ingilterra għall-kura, iżda fl-aħħar jum tat-trattament indunaw li kien hemm kanċer ieħor f’sidirha. Minn hemm, trattament wara trattament… u l-marda baqgħet tinfirex.
Saret taf b’sptar privat fil-Ġermanja li jagħti injezzjoni lit-tumur – l-aħħar tama tagħha. Iżda kull injezzjoni tiswa €3,900. Għalhekk qed iddur fuq qlub ġenerużi biex tagħtiha ċans tgħix għal bintha.