Friday, May 3, 2024

Kingsley Coman jiffirma kuntratt ġdid ma’ Bayern Munich sa Ġunju 2027

Aqra wkoll

Kingsley Coman iffirma estensjoni ta’ kuntratt ġdid ma’ Bayern Munich, bil-ftehim tal-attakkant issa għandu jibqa’ għaddej sa Ġunju tal-2027.

Il-futur tal-internazzjonali Franċiż kien is-suġġett ta’ ħafna spekulazzjonijiet fl-aħħar xhur, b’numru ta’ clubs, fosthom Manchester United, Chelsea u Liverpool, jingħad li qed iżommu ħarsithom fuq is-sitwazzjoni tiegħu.

Madankollu, Coman issa temm kull diskussjoni dwar tluq potenzjali billi ffirma estensjoni ta’ kuntratt ta’ erba ‘snin, li se tibqa’ għaddejja sa tmiem l-istaġun 2026-27.

“Ninsab kuntent ħafna għax FC Bayern huma wieħed mill-aqwa clubs fid-dinja u naf li għad għandna ħafna opportunitajiet u għanijiet kbar hawn. Ilni fil-club mill-2015 – inħossni f’familja kbira,” qal Coman.

“Kollox huwa perfett hawn. L-aqwa snin tiegħi bħala footballer għadhom quddiemi, u ninsab kuntent li se nqattagħhom ma’ FC Bayern. L-akbar għan tiegħi huwa li nerġa’ nirbaħ iċ-Champions League – u din id-darba, flimkien mal-partitarji tagħna.”

Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ Bayern Oliver Kahn qal: “Players bil-ħila ta’ Kingsley Coman huma mfittxija minn clubs madwar id-dinja. Din l-estensjoni tal-kuntratt hija eżempju ieħor ta’ kemm il-club tagħna huwa attraenti fl-ogħla livell internazzjonalment.”

“Kingsley huwa impenjat bis-sħiħ ma’ FC Bayern; huwa sab id-dar tal-football tiegħu hawn. Players ta’ klassi dinjija jikkunsidraw bir-reqqa fejn jiffirmaw il-kuntratti tagħhom f’dawn il-jiem. Ninsabu kuntenti li Kingsley estenda magħna fit-tul: meta bil-ballun, jentużjażma lill-partitarji tagħna. In-nies jiġu l-istadium biex jaraw players bħal dawn.”

Il-player ta’ 25 sena skorja ħames darbiet u rreġistra żewġ assists fi 17-il dehra għaċ-champions tal-Bundesliga matul l-istaġun 2021-22.

Sport