Wednesday, March 27, 2024

Klinika tal-ġinekoloġija fl-Isptar San Vinċenz de Paul għar-residenti u l-komunità

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, flimkien mat-tmexxija tal-Isptar San Vinċenz de Paul, inawgura klinika tal-ġinekoloġija mmirata għal nisa ta’ ‘l fuq minn sittin sena li jirrisjedu fl-istess sptar u anke fil-komunità.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Abela sostna li nisa li jkunu kibru fl-età u li jgħaddu minn menopawża, jistgħu jibdew jesperjenzaw sintomi u problemi ġinekoloġiċi, bħal l-obeżità, dijabete, kundizzjonijiet kardjovaskolari, dimensja, dipressjoni u saħansitra anke kanċer, fost oħrajn. Din il-klinika hija mmirata proprju biex tindirizza l-bżonnijiet ta’ persuni li jkunu qed jesperjenzaw dawn il-problemi ġinekoloġiċi, u se jkollha wkoll apparat avvanzat bħal Bone Density Scanner.

Ġie spjegat ukoll li qed tiġi ffinalizzata sala żgħira tal-operazzjonijiet, għall-operazzjonijiet żgħar bħal dawk ta’ Biopsy D u C u anke proċeduri ta’ swabbing.

Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li dan is-servizz ġdid u essenzjali se jkun qed jingħaqad ma’ diversi servizzi oħra li tnedew fl-aħħar xhur fl-Isptar San Vinċenz de Paul li ser jassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti u anke fil-komunità.

Il-ministru temm jgħid li l-gvern kontinwament qed jinvesti fl-anzjani u sostna li ser tkompli l-ħidma sabiex San Vinċenz de Paul ikompli jsir residenza tal-ogħla kura u kwalità.

Ekonomija

Sport