Saturday, December 21, 2024

Kodiċi aħmar mill-Ġnus Maqgħuda dwar it-tisħin tal-klima

Aqra wkoll

Rapport xjentifiku ġdid mill-Ġnus Maqgħuda u li ġie deskritt bħala ‘Kodiċi Aħmar għall-Umanita’ juri biċ-ċar kif ċerti aspetti devastanti tat-tisħin fil-klima dinjija issa huma inevitabbli. Dan ir-rapport inħareġ mill-Panel Intergovernattiv Awtorevoli dwar it-Tibdil tal-Klima (IPCC). Dan ir-rapport ġie approvat minn 195 gvernijiet u kien ibbażat fuq 14,000 studji xjentifiċi li saru fuq medda ta’ żmien.

Dan ir-rapport isemmi kif bla dubju, it-tisħin tal-atmosfera, l-oċeani u l-artitjiet kien influwenzat bis-sħiħ mill-attivita umana u jsemmi wkoll illi it-tibdil mgħaġġel u wiesa fl-atmosfera, l-oċeani, fil-krisosfera u biosfera diġa seħħ u qed ikollu konsegwenzi serji għal kulġadd.

L-IPCC jikkonferma wkoll illi t-tibdil klimatiku li seħħ kaġun tal-attivita mill-bniedem diġa mmanifesta ruħu fl-estremitajiet tat-temp f’diversi reġjuni tad-dinja fosthom il-mewġiet ta’ sħana fl-Istati Uniti u l-Kanada, għargħar qerriedi fiċ-Ċina u l-Ġermanja u n-nirien qawwija u spissi li għadhom għaddejjin fis-Siberja, l-Istati Uniti, it-Turkija u l-Ġreċja huma xiehda ta’ dan.

Dawn il-ġrajjiet riċenti li l-bniedem assista għalihom riċentement se jmorru ferm għall-agħar jekk in-nazzjonijiet kollha jibqgħu ċassi u ma jieħdux azzjonijiet urġenti u mmedjati.

Bl-attività tiegħu, il-bniedem diġa saħħan id-dinja b’madwar 1.1 gradi celsius mis-Seklu Dsatax ’il hawn kaġun tal-użu bla rażan tal-faħam, iż-żejt u l-gas għall-enerġija. Tant is-sitwazzjoni klimatika marret għall-agħar u tinsab fi stat perikoliuż ħafna illi jekk il-pajjiżi kollha jibdew mil-lum inaqqsu l-emissjonijiet xorta waħda l-klima aktarx tiżdied b’1.5 gradi celsius oħra fl-għoxrin sena li ġejjin.

Mill-banda l-oħra, jkompli jelenka r-rapport tal-IPCC, jekk il-gvernijiet ifallu milli jnaqqsu l-emissjonijiet sostanzjalment it-temperaturi medji globali ikomplu jiżdiedu bi 2, 3 sa anki 4 gradi celsius sas-sena 2050.

Ekonomija

Sport