Saturday, November 9, 2024

KOERENZA

Aqra wkoll

Problema strateġika għall-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin se tkun dik ta’ kif issostni l-koerenza fil-politika tagħha. Bħalissa, anke wara li jkunu saru negozjati twal u ntlaħaq ftehim dwar x’se tkun il-linja addottata, f’oqsma ewlenin jirriżulta li l-ftehim ikun biss tal-wiċċ.

L-aktar raġuni li tissemma għal dan hu li b’27 stati-membri fl-Unjoni, hi ħaġa diffiċli ħafna biex iġġibhom u żżommhom kollha fuq l-istess boxxla. Għalkemm dan veru, jeżistu raġunijiet aqwa. 

L-ewwel, hemm il-problema ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi. Sakemm jinstab ftehim politiku, ftit jingħata kunsiderazzjoni lill-mezzi li bihom dawn se jitwettqu. Ħafna drabi, mhux talli dawn il-mezzi (speċjalment finanzjarji) jkunu skarsi, talli sakemm jinstabu jqanqlu tilwim u taħwid ġodda.

U t-tieni: wara li d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq livell Ewropew “ċentrali” jiltaqgħu ma’ reżistenza popolari fuq bażi nazzjonali. L-isforzi li jagħmlu l-gvernijiet biex jikkalmawha jagħtu sinjali kuntradittorji. Wisq mumenti qed ikunu hekk.

SPTAR ĠDID

Meta rajt il-“headline” ħadt qatgħa: Il-ministru tas-saħħa qed jipprospetta sptar ġdid! Ġejja l-istess storja bħal San Raffaele! ħsibt. Bil-ħala tal-flus, qerda tal-art, ippjanar skandaluż, xogħol ta’ kafkaf, deċiżjonjiet żgarrati, korruzzjoni li marru fil-binja ta’ Mater Dei. 

Qrajt l-artiklu kollu u ħadt ir-ruħ. Il-ministru tas-saħħa qed jipproponi li l-binja ta’ St Luke’s tiġi addattata ħalli servizzi meħtieġa għat-tmexxija tal-isptar f’Tal-Qroqq jingħataw minn hemm u jilliberaw l-ispazju għall-ħidma klinika li minnha f’Mater Dei m’hemmx biżżejjed. Din tkun direzzjoni strateġika eċċellenti.

Li Mater Dei qed jitqies bħala “ċkejken” għall-bżonnijiet tal-lum hi konsegwenza oħra tal-mod skandaluż kif il-proġett Mater Dei żviluppa taħt it-tmexxija tal-gvernijiet Fenech Adami u Gonzi. Sal-1996, riduh bħala proġett ta’ sptar “riċerka”: ġennata. Bejn l-1996 u 1998, bdilnielu l-boxxla. Għamilnieh sptar ġenerali. Imma terġa’ l-amministrazzjoni Fenech Adami ta’ wara naqqset l-ispazju “sptar” fil-binja u anke n-numru ta’ sodod. Illum il-binja hi mitqiesa wisq ċkejkna!

BANANA

Il-“kanzunetta” Banana fl-aħħar komkors Malti tal-Eurovision kisbet appoġġ poplari qawwi u apprezzament fietel min-naħa tal-ġurija. Jista’ jkun li tal-aħħar m’għoġbithomx il-kantaliena belha tal-kontenut li ma kellu l-ebda “tifsira” u r-ritmi u l-ġesti mħawda, għalkemm sinkronizzati tajjeb tal-preżentazzjoni.

Forsi l-wirja kollha kellha tifsira profonda: messaġġ ta’ riflessjoni satirika fuq in-natura tad-divertiment f’din l-epoka ta’ kumnikazzjoni elettronika. Mhux biss minħabba r-referenza għall-banana imma anke fl-użu ta’ ġesti u ritmi: il-mezzi u t-teknika tad-divertiment modern jirrekjedu u jinkoraġġixxu mill-membri tal-udjenza attitudni li  m’għandhiex għalfejn tkun aktar żviluppata minn dik tax-xadini. (Sakemm din mhijiex ukoll malafama kontra x-xadini.) Il-popolarità inġenwa miksuba mill-wirja kompliet issinn is-sens satiriku tagħha. 

Sport