Wednesday, December 25, 2024

Kollox jinsab lest għall-avveniment ta’ lejliet l-ewwel tas-sena fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef ħabbru l-aħħar pjanijiet loġistiċi qabel l-avveniment ta’ nhar il-Ħadd li ġej fi Pjazza San Ġorġ li jimmarka l-għeluq tal-2023 u l-bidu tal-2024.

Dan huwa l-ikbar avveniment tal-aħħar tas-sena f’pajjiżna, fejn mistenni li jattendu ‘l fuq minn 50,000 persuna għalih. Matulu se jkunu qed jipparteċipaw ħafna artisti lokali u kollox se jibda fit-8:30pm u jibqa’ għaddej sas-2am.

Il-Ministru Owen Bonnici qal kif dan l-avveniment tal-aħħar tas-sena huwa l-isbaħ mod kif wieħed jilqa’ s-sena l-ġdida. “Kemm hi ħaġa sabiħa li jittellgħu avvenimenti bħal dawn li jagħtu pjattaforma lit-talent lokali waqt li jġibu l-poplu Malti flimkien”, qal il-ministru.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef sostna li jinsab onorat li għal darb’oħra se jkun qed jittella’ l-ikbar avveniment lokali ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta.

Jason Micallef  appella lill-pubbliku sabiex lejliet l-ewwel tas-sena jżur il-belt kapitali tagħna u jattendi għal dan l-avveniment bla ħlas sabiex igawdi minn atmosfera mill-isbaħ ta’ briju u mużika u flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merbħa lis-sena l-ġdida bil-kbir.

Il-lejla se tibda b’Lara and the Jukeboys band. Wara mbagħad se tieħu r-riedni f’idejha The Palace String Orchestra mmexxija minn Ryan Paul Abela flimkien ma’ line up ta’ wħud mill-aqwa kantanti lokali li fosthom se hemm AIDAN, Drakard, Klinsmann, Jasmine, Megan May, Sarah Bonnici kif ukoll Emma Muscat bħala mistiedna speċjali.

Dawn se jkunu qed ikantaw uħud mill-aqwa kanzunetti li ħarġu din is-sena u anki oħrajn li llum huma meqjusin bħala klassiċi. Eżatt qabel il-countdown imbagħad, il-preżentaturi flimkien ma’ Dj Koroma u Dj Miggy se jkunu qed iferrħu lill-folla fil-Belt u lil dawk li se jkunu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, b’effetti speċjali fuq il-palk u b’logħob tan-nar sabiex jingħata bidu kif jixraq lis-sena 2024.

Ron, Taryn Mamo Cefai u Keane Cutajar se jkunu qed jippreżentaw din is-serata. Se jkun hemm ukoll servizzi speċjali tat-trasport pubbliku b’sigħat miżjuda, bil-għan li tiżdied l-aċċessibilità u l-kumdità għal dawk kollha li se jżuru l-belt kapitali.

Barra minn hekk il-lift pubbliku se jkun qed jaħdem sa tard. Iċ-ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena huma organizzati minn G7 Events bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Żur is-sit web vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.

Ekonomija

Sport