Monday, February 10, 2025

“Konna ilna snin inressqu l-ilmenti minħabba t-telqa u l-abbandun”

- is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri jitlob għal diskussjoni dwar il-Forti ta’ Bengħajsa

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Forti ta’ Bengħajsa f’Birżebbuġa se tkun qiegħda tingħata lura lin-nies wara li għal bosta snin kienet okkupata illegalment. Fil-fatt, l-Awtorità tal-Artijiet bħalissa qiegda tieħu l-passi meħtieġa biex tara li tieħu f’idejha din il-fortizza storika. 

Kif spjega l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi fil-Parlament, se jkun qiegħed jitfassal pjan dwar kif din il-fortizza se tiġi riġenerata ħalli dan il-post storiku jibda jitgawda minn kulħadd u b’mod partikolari tibbenefika minnu l-komunità ta’ Birżebbuġa.

B’rabta ma’ din l-aħbar, tkellimna wkoll mas-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, li spjega kif bħala Kunsill kien ilhom li ressqu t-talba biex dan is-sit, li għandu valur storiku, jiġi riġenerat u jingħata lura lin-nies. 

Is-Sindku ta’ Birżebbuġa qal li: “ilna snin twal inressqu l-ilmenti tagħna b’mod speċjali minħabba t-telqa u l-abbandun li kien hemm fis-sit. Konna wkoll norganizzaw clean-ups fid-ditch ta’ din il-fortizza.” 

Camilleri tenna li jħares ’il quddiem biex jara l-proċess kif se jkun qiegħed jiżvolġi u talab għal diskussjoni biex jaraw x’ikun l-aħjar użu minn dan is-sit. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport