Saturday, May 4, 2024

Konrad Mizzi jitlob ruling mill-Ispeaker dwar l-aġir tal-Oppożizzjoni fil-PAC

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Konrad Mizzi talab ruling mill-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar il-komportament “xejn dinjituż” min-naħa tal-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC). 

Mizzi llum kien qiegħed jagħti x-xhieda tiegħu quddiem dan il-Kumitat b’rabta mal-proġett tal-Electrogas iżda kellu jieqaf biex imur jitlob ruling ftit wara li bdew isirulu l-mistoqsijiet mill-membri tal-Oppożizzjoni.

Fil-plenarja tal-Parlament, Mizzi qal li tul dawn l-aħħar erba’ seduti tal-Kumitat, saru diversi allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u li hu ċaħadhom. Huwa qal li lest iwieġeb għal kull mistoqsija fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali. 

Semma kif iċ-Ċermen tal-Kumitat Beppe Fenech Adami saqsieh fuq il-panel ta’ evalwazzjoni. “Jiena għedtlu bħala Ministru ma kontx nidħol fl-evalwazzjoni. Hawn Kumitati apposta biex jagħmlu l-evelwazzjoni tat-tenders,” qal Mizzi li saħaq ukoll li saru diversi insinwazzjonijiet fil-konfront tiegħu. 

Mizzi qal li “f’dan l-ambjent għandi bilfors bżonn il-protezzjoni tas-Sedja minħabba komportament xejn dinjituż. Nitolbok tħares lejn it-traskrizzjoni ta’ dawn l-aħħar erba’ seduti fejn l-attitudni tagħhom kienet provokattiva u kemm-il darba kisru d-drittijiet tiegħi.”

“Fl-aħħar seduta tal-PAC, il-membri tal-Oppożizzjoni għamlu allegazzjonijiet speċifiċi li ma jirriżultawx mir-rapport tal-Awditur dwar l-Electrogas kif ukoll saru insinwazzjonijiet infondati,” tenna Mizzi. 

“L-Oppożizzjoni għamlet allegazzjonijiet li jien irċevejt bagalji ta’ flus, qaluli li ċempilt lill-Prim Ministru u għajruni korrott. Dan mhux ambjent seren li fih wieħed iwieġeb il-mistoqsijiet,” kompla jgħid il-Membru Parlamentari Mizzi.

L-Ispeaker Farrugia qal li se jkun qed jara t-traskrizzjonijiet tas-seduti kollha tal-PAC fejn kien qed jixhed Mizzi u se jagħti ruling f’dan ir-rigward.

Sport