Sunday, December 22, 2024

Konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-abbozzi proposti dwar ir-riforma fil-midja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern mistenni li joħroġ white paper għall-konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-abbozzi proposti dwar ir-riforma fil-midja.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li ħabbar dan fil-Parlament filwaqt li poġġa fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport finali tal-Kumitat tal-Esperti dwar is-settur tal-midja tal-24 ta’ Lulju 2023.

Dr Abela nnota li diġà saru żewġ proċessi ta’ konsultazzjoni pubblika, fejn il-Kumitat tal-Esperti mexxa l-ewwel proċess imbagħad kienet saret talba biex issir it-tieni parti tal-konsultazzjoni.

Huwa iżda nnota wkoll li kien hemm sejħiet sabiex isir proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku dwar l-abbozzi li għad iridu jitressqu fil-Parlament. Saħaq li din hi talba li huwa jaqbel magħha.

“Nemmen li l-parteċipazzjonj tal-pubbliku għandha tkun waħda mill-aktar sħiħa sabiex niżguraw li l-prodott finali jkun wieħed li verament jixraq lil pajjiżna. Dik is-sejħa saret ukoll mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin nhar il-Ġimgħa. Il-ħsieb tal-Gvern se jkun li nippubblikaw white paper bl-abbozzi riveduti magħha,” tenna l-Prim Ministru.

Spjega li wara li jintemm dan il-proċess, l-abbozzi kif promulgati mill-ġdid jekk ikun hemm il-ħtieġa, jgħaddu mill-proċess parlamentari sabiex eventwalment jifformaw parti mil-liġijiet ta’ pajjiżna.

“Din hija riforma li dan il-Gvern għandu għal qalbu. Nemmen li hi riforma li f’ċertu setturi minnha tista’ ġġib biex pajjiżna jkollu korp ta’ liġijiet mill-aktar b’saħħithom fis-settur tal-midja. Nemmen li l-konsultazzjoni u l-kontribut tal-pubbliku se jkun kruċjali għal dak il-għan,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport