Sunday, December 22, 2024

Kontroversja dwar “VIVA MALTA” u l-kunċerti ta’ Andrè Rieu f’Settembru

Aqra wkoll

Hawn stennija kbira f’Malta għaż-żewġ kunċerti li “r-Re tal-Waltz”, kif inhu magħruf il-vjolinista Olandiz Andre’ Rieu, se jkun qed jagħti fuq il-Fosos tal-Furjana nhar l-1 u t-2 ta’ Settembru li ġej. Rieu kien ingħata merħba mill-isbaħ meta ġie fostna l-ewwel darba xi xhur ilu meta wera pubblikament l-apprezzament tiegħu.

Madankollu, waqt li għaddejjin it-tħejjijiet u l-provi għaż-żewġ kunċerti, fuq il-midja soċjali u pubblikament, tinsab tħeġġeġ kontroversja wara li sar magħruf li fis-selezzjoni ta’ mużika Maltija li se jkun qed iwassal Rieu, hemm nieqsa l-kanzunetta “Viva Malta” li kienu għamlu immortali Freddie Portelli u l-Malta Bums fis-Snin 60 meta kienet tindaqq live saħansitra f’laqgħat u serati letterarji tal-Moviment Qawmien Letterarju.

Huma ħafna li stqarrew kif ma setgħux jemmnu li l-aktar kanzunetta popolari f’Malta tul dawn l-aħħar ħames diċennji twarrbet mill-għażla. Saħansitra s-sit elettroniku internazzjonali, Cuore di Banda, semma l-“Viva Malta” bħala “kanzunetta storika” ta’ Freddie Portelli li ġiet anki studjata fl-Università ta’ Cambridge bħala “eżempju ta’ kanzunetta post-kolonjali li qanqlet mhux ftit il-fervur nazzjonali fost il-Maltin wara l-Indipendenza.”

Huma diversi l-ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin li telgħu jisimgħu u jkantaw “Viva Malta”, punt li tqajjem minn bosta li kkummentaw dwar il-kunċerti ta’ Rieu u l-ħtieġa li din tkun inkluża fis-selezzjoni Maltija. Żiedu li kanzunetti llum klassiċi, bħal “Viva Malta”, “Xemx” u “L-Aħħar Bidwi fil-Għasel” huma s-sisien ta’ dak kollu li ġie wara.

Kien hemm min semma wkoll l-arranġament mużikali li kien sar għall-Orkestra ta’ Malta meta kantaw, b’interpretazzjoni mill-isbaħ, “Viva Malta” Jasmine u Glenn Vella.

Għadu mhux magħruf x’inhuma r-reazzjonijiet tal-organizzaturi tal-kuncerti ta’ Andre’ Rieu, imma hu żgur li nies fl-oqsma tal-mużika u l-letteratura, fosthom il-Prof. Philip Ciantar u l-kittieb Charles Flores, qegħdin iħeġġu bil-qawwa kollha biex din l-anomalija titneħħa qabel ikun tard wisq.

Ekonomija

Sport