Koppja involuta fi ġlieda f’Paceville tingħata sentejn ħabs sospiżi

0
44

Koppja Belġjana ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettaw li kienu nvoluti fi ġlieda f’Paceville.

Il-ġlieda seħħet fis-sigħat bikrin tas-Sibt meta l-Pulizija rċivew informazzjoni li fi stabbiliment tad-divertiment kien hemm raġel wiċċu kollu demm. Fil-fatt meta marru fuq il-post sabu lill-vittma.

Fil-Qorti ntqal li l-argument beda hekk kif il-vittma avviċina lill-imputata u allegatament mess il-parti privata tagħha. Jirriżulta li l-mara ppruvat tkellmu bil-kelma t-tajba, iżda l-vittma qallha li ried ikellem lir-raġel tagħha.

Il-Prosekuzzjoni qalet li meta r-raġel mar ikellem lill-vittma, dan tal-aħħar allegatament tah daqqa ta’ ponn.

Fil-Qorti, il-Pulizija qalet li dan l-inċident ġie kkonfermat mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà. Il-Pulizija qalet li l-akkużata kienet abbużata sesswalment meta kienet żgħira u din l-esperjenza, qanqltilha memorji qarsa ta’ tfulitha.

Il-vittma qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei. Il-Pulizija kkonfermat li qed tinvestigah ukoll u se tressqu l-Qorti fuq akkużi ta’ natura sesswali.