Sunday, December 22, 2024

Kull sena f’Malta jinstab 13-il każ ġdid ta’ kanċer ċervikali

Aqra wkoll

Il-ġlieda kontra l-infezzjoni HPV u l-kanċer ċervikali kompliet tagħmel pass ieħor ‘il quddiem hekk kif studju kliniku sab li l-prodott PAPILOCARE għadu kemm kiseb riżultati pożittivi ħafna fost 88% ta’ pazjenti li ħadu sehem f’stħarriġ kliniku. Papilocare, b’hekk sar l-ewwel u l-uniku prodott f’Malta b’effikaċja ppruvata minn data klinika.

Vivian, kumpanija ewlenija ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti għall-kura tas-saħħa u l-benesseri qed tħabbar li l-effikaċja ta’ Papilocare, prodott għall-prevenzjoni u l-kura ta’ leżjonijiet ikkawżati mill-HPV issa ġiet ippruvata minn studju kliniku li għadu kemm twettaq minn ProCare Health fost 800 pazjent fi Spanja.

Ippubblikat fil-ġurnal uffiċjali Journal of Lower Genital Tract Disease (JLGTD) ta’ l-American Society for Colposcopy and Cervical Pathology, il-konklużjonijiet ewlenin tal-Paloma Clinical Trial sabu li l-ġel vaġinali Papilocare wassal għan-normalizzazzjoni ta’ leżjonijiet ċervikali fi 88% tal-pazjenti infettati b’HPV ta’ l-ogħla riskju u tneħħija ta’ HPV f’63% tal-istess grupp ta’ pazjenti.

Il-Paloma Clinical Trial li twettaq f’9 sptarijiet fi Spanja – 4 pubbliċi u 5 privati –eżamina l-fejqan f’nisa bl-infezzjoni HPV fost 800 mara ta’ bejn it-30 u l-65 sena. Ir-riżultati wrew kif leżjonijiet ċervikali reġgħu lura għan-normal fost 85% tal-pazjenti li kienu trattati bil-Papilocare wara 6 xhur, u r-riżultat kien iżjed sinifikanti fost nisa infettati b’HPV ta’ l-ogħla riskju, fejn il-leżjonijiet ċervikali reġgħu lura għan-normal fost 88% tal-pazjenti.

L-HPV tibqa’ waħda mill-iżjed infezzjonijiet komuni trażmessi sesswalment madwar id-dinja, b’madwar 80% ta’ nisa u rġiel ikunu infettati biha f’xi żmien matul ħajjithom.

Filwaqt li għad ma tantx teżisti informazzjoni dwar l-HPV fil-popolazzjoni ġenerali Maltija, instab li fir-reġjun tagħna, madwar 3.8% tan-nisa ikollhom l-infezzjoni HPV-16/18 u 68.0% ta’ kanċers ċervikali huma kkawżati minn HPVs 16 jew 18.

L-istudju dwar l-inċidenza ta’ infezzjonijiet ta’ HPV (human papillomavirus) f’Malta li twettaq fl-2023 mill-HPV Information Centre fl-Aġenzija tar-Riċerka Dwar il-Kanċer ta’ WHO, sab li 221,301 mara ta’ ‘l fuq minn 15-il sena jinsabu f’riskju li jiżviluppaw kanċer ċervikali. L-estimi bħalissa juru li b’13-il każ ġdid ta’ kanċer ċervikali kull sena f’Malta, dan huwa l-15-il kawża ewlenija ta’ kanċer fin-nisa Maltin.

“F’Malta, il-kanċer ċervikali huwa s-sitt l-aktar kanċer kouni fin-nisa ta’ bejn il-15 u l-44 sena. Għalhekk, kif dalwaqt se nerġgħu infakkru Jum il-Mara, m’għadux biżżejjed li niċċelebraw dan il-jum jekk ma naħdmux sabiex in-nisa jingħataw iżjed saħħa sabiex ikunu infurmati, edukati aħjar u jkollhom iżjed opportunitajiet sabiex jitkellmu dwar saħħithom speċjalment fuq suċċetti bħal dawn li għadhom kunsidrati bħala taboo fosthom iż-żieda fl-inċidenza ta’ l-HPV,” qalet Daniela Magro li tmexxi l-Women’s Health & Urology Unit ta’ Vivian.

“Kburin li issa f’Malta qed inġibu l-Papilocare għaliex s’issa, dan jibqa’ l-ewwel u l-uniku prodott f’Malta li l-effikaċja tiegħu fil-prevenzjoni u t-trattament ta’ leżjonijiet kawżati mill-HPV hija pruvata minn studju kliniku b’saħħtu,” żiedet Daniela Magro.

Il-Paloma Clinical Trial sab ukoll żieda ta’ 57% fit-tneħħija tal-virus ta’ riskju għoli u rnexxielu jelimina l-virus f’63% tal-pazjenti trattati bil-Papilocare għal 6 xhur, meta mqabbla ma’ 40% li kienu parti minn control group.

“Dawn ir-riżultati pożittivi importanti jiksbu iżjed sinifikat mill-fatt li l-konsistenza ta’ dawn ir-riżultati hija għolja ħafna meta mqabbla ma’ riżultati simili li kienu ppreżentati minn tlett studji indipendenti li twettqu minn sptarijiet universitarji pubbliċi f’Spanja u l-Italja li wkoll irrapportaw l-effikaċja ta’ Papilocare fost 50% għal 70% ta’ pazjenti bl-HPV ta’ riskju għoli,” żiedet Daniela Magro.

“Ir-riżultati tal-Paloma Clinical Trial huma tassew aħbar tajba għall-pazjenti bl-HPV hekk kif l-effikaċja ta’ Papilocare issa ġiet ippruvata. Dawn ir-riżultati inkisbu wara 4 snin ta’ riċerka u l-pubblikazzjoni tagħhom fil-ġurnal prestiġġjuż ta’ l-American Society for Colposcopy and Cervical Pathology ikompli jikkonferma l-importanza tagħhom,” qal Dr Javier Cortés speċjalista fil-Ginekoloġija u membru ta’ l-Assoċjazzjoni Spanjola kontra l-Kanċer(AECC) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kanċer Ċervikali li kien il-Koordinatur ta’ l-istudju Paloma.

L-infezzjoni Human Papillomavirus (HPV) issa hija stabbilita bħala kawża tal-kanċer ċervikali u l-evidenza qed tkompli tikber li l-HPV hija fattur f’tipi oħra ta’ kanċer fosthom fir-ras u fl-għonq.

Għalkemm vaċċini ta’ l-HPV li jikkumbattu l-infezzjonijiet HPV 16 u 18 issa huma disponibbli, HPV 16 u 18 jibqgħu responsabbli għal madwar 70% ta’ kanċer ċervikali madwar id-dinja kollha u jekk l-infezzjoni tibqa’ mhux trattata, din ġeneralment twassal għal kanċer ċervikali.

Ekonomija

Sport