Kollox jinsab lest biex għada l-Ħadd, fl-okkażjoni tal-210 Anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija, il-Banda tal-Korp tal-Pulizija ttella’ kunċert spettakolari fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta.
“The Grand Anniversary Concert”, li jibda fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, taħt id-direzzjoni tad-Direttur tal-Banda, Maestro Anthony Cassar, se jkollu bħala mistieden speċjali lit-Tenur Internazzjonali Gabriel Arce mill-Arġentina, flimkien mas-Sopran Claire Caruana u l-kantant Neville Refalo u Wallace Pipe’s and Drums.
Dwar dan u aktar, L-Orizzont tkellem mas-Sur Cassar innifsu li qalilna li dan il-kunċert mhux ta’ min jitilfu, liema kunċert se jsir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta u d-dħul kollu se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.
“Il-kunċert tal-Ħadd se jkun wieħed speċjali u għandu għan nobbli. Dawk li se jattendu se jkollhom l-opportunità li jisimgħu l-abilità ta’ dan it-tenur Arġentin fost oħrajn,” qal is-Sur Cassar. Il-bookings għal dan il-kunċert jistgħu jsiru minn fuq is-sit elettroniku teatrumanoel.mt
Sadanittant, Id-Direttur tal-Banda tal-Korp tal-Pulizija rrimarka wkoll li matul din il-ġimgħa ddedikata lill-pulizija, tellgħu numru ta’ kunċerti oħra fosthom it-Tnejn li għadda f’Marsaskala, it-Tlieta fl-Imdina, l-Erbgħa f’Tas-Sliema u lbieraħ f’Buġibba.
Illejla, il-Banda tal-Pulizija se ttella’ kunċert ieħor vokali u strumentali fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali bis-sehem ta’ wħud mill-aqwa kantanti versatili f’pajjiżna fosthom Debbie Scerri, Kristy Spiteri, Nicole Hammett, Owen Leuellen, Kevin Borg u Aidan Cassar fost oħrajn.
Nhar it-Tlieta 9 ta’ Lulju, il-Banda tal-Pulizija se tkun qiegħda ttella’ kunċert ieħor fi Pjazza t-Tokk fir-Rabat, Għawdex u tlitt ijiem wara, f’Jum il-Pulizija, se tanima l-pontifikal solenni mmexxi mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann.
Imbagħad, nhar il-Ħadd 14 ta’ Lulju, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Police Week 2024 jilħqu l-qofol tagħhom b’open day matul il-ġurnata kollha fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana.
Flimkien mal-Banda tal-Pulizija, matul dawn il-jiem qed ikun hemm ukoll spettaklu mill-precision drill team tal-pulizija kif ukoll mit-taqsima tal-K9 tal-Pulizija, il-Kavallerija u Taqsimiet oħra tal-Korp.
Mistoqsi dwar xi pjanijiet għandhom għall-futur, is-Sur Anthony Cassar qal li fiż-żmien li ġej se jsiru kunċerti oħra, wieħed minnhom fid-19 ta’ Ottubru, li se jinkludi programm sabiħ ta’ madwar sagħtejn b’mużika minn uħud mill-aqwa films li ħarġu, fis-sala Sir Temi Zammit, fl-Università ta’ Malta. F’Novemrbu se jsir kunċert ieħor fl-istess post ibbażat fuq siltiet ta’ kanzunetti Maltin.
Fl-aħħar nett, is-Sur Cassar ħabbar li fl-aħħar ta’ din is-sena, il-Banda tal-Korp tal-Pulizija ġiet mistiedna biex ittella’ kunċert barra minn Malta li d-dettalji tiegħu se jingħataw fil-ġimgħat li ġejjin.