Saturday, May 4, 2024

Kurt Zouma ordnat jagħmel 180 siegħa ta’ servizz fil-komunità u pprojbit milli jżomm qtates għal ħames snin

Aqra wkoll

Id-difensur ta’ West Ham United Kurt Zouma ġie ordnat jagħmel 180 siegħa ta’ servizz fil-komunità u pprojbit milli jżomm qtates għal ħames snin wara li wieġeb ħati li ta daqqa ta’ sieq u daqqiet lill-qattus tiegħu, iddeċidiet Qorti ta’ Londra nhar l-Erbgħa.

Il-player Zouma ta’ 27 sena ammetta żewġ reati taħt l-Att dwar il-Benesseri tal-Annimali fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Thames ix-xahar li għadda wara li filmat virali, iffilmjat minn ħuh Yoan tpoġġa fuq il-media soċjali fi Frar, wera lilu jwaqqa’ wieħed mill-qtates tiegħu u jagħtih bis-sieq mal-art.

Ħu l-Franċiż kien ikkundannat għal 140 siegħa ta’ servizz fil-komunità u pprojbit ukoll milli jżomm qtates għal ħames snin.

West Ham qalu li jikkundanna kull forma ta’ abbuż jew moħqrija fuq l-annimali.

“Din it-tip ta’ mġieba hija inaċċettabbli u mhix konformi mal-valuri tal-club tal-football,” qalu West Ham.

“Fi żmien 48 siegħa minn meta ħarġu l-filmati, mmultatna lil Kurt il-massimu disponibbli għall-club, liema flus ġew kollha ddedikati għall-benessri tal-annimali.”

Iż-żewġ qtates Bengal ta’ Zouma minn dakinhar tpoġġew taħt il-kura tal-organizzazzjoni karitattiva tal-annimali, RSPCA.

Intant, Zouma, tilef il-ftehim ta’ sponsorizzazzjoni mad-ditta tal-ħwejjeġ sportivi Adidas u kien ukoll ibbuwjat mill-partitarji waqt logħba tal-Premier League kontra Watford fi Frar li għadda.

Huwa, madankollu, baqa’ jgawdi l-appoġġ tal-manager David Moyes u għamel 33 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha matul l-aħħar staġun hekk kif West Ham spiċċaw fis-seba’ post fil-kampjonat u waslu sas-semi-finali tal-Europa League.

Sport