Thursday, December 26, 2024

Kwart tat-tfal taħt l-10 snin iqisu l-Ingliż bħala l-lingwa primarja tagħhom

Aqra wkoll

Il-karatteristiċi tal-poplu Malti huma diversi u differenti minn xulxin. Dan joħroġ ċar mill-istess ċensiment li sar fl-2021 li kkonferma n-nuqqas kbir ta’ twelidijiet tant li 76.1% tal-familji ma kellhomx tfal dipendenti fuqhom. Minbarra dan irriżulta wkoll li kważi wieħed minn kull erbat itfal taħt l-10 snin jikkonsidraw l-Ingliż bħala l-lingwa primarja tagħhom.

L-istess ċensiment wera żieda wkoll fl-għadd ta’ familji b’ġenitur wieħed. Dawn ammontaw għal 6,378, li turi żieda ta’ 922 mill-aħħar ċensiment li sar fl-2011. Ta’ nota wkoll kien il-fatt illi 11,073 persuna li huma 2.5% ta’ individwi li għandhom minn 16-il sena ‘l fuq, jidentifikaw ruħhom bħala gays, liżbjani, bisesswali jew li għandhom orjentazzjoni sesswali differenti. Din ir-rata hi tliet darbiet akbar fost il-barranin (5.5%) meta kkumparata mal-Maltin (1.6%).

Aktar min-nofs il-popolazzjoni femminili minn 16-il ‘il fuq huma jew miżżewġa jew inkella f’unjoni ċivili. Min-naħa l-oħra, l-għadd ta’ persuni mhux miżżewġa kien akbar fost l-irġiel milli fost in-nisa. L-għadd ta’ ommijiet kienu jlaħħqu l-139,223, li jfissru 64.2% tal-popolazzjoni femminili minn 15-il sena ‘l fuq. Fosthom kważi 15,000 kienu “single”. 

Miċ-ċensiment jidher ukoll li kien hemm għadd konsiderevoli ta’ nies li xi darba jew oħra sofrew jew minn mard fit-tul jew inkella minn xi kundizzjoni kronika. Dan l-ammont kienn ilaħħaq il-129,132 persuni, li juri żieda ta’ 6% meta kkomparat maċ-ċensiment li kien sar fl-2011.

Sinjfikanti kienet ir-rata ta’ litteriżmu fost il-Maltin, li laħħqet kważi s-96%. Jirriżulta wkoll li 20,453 persuni huma kklassifikati bħala “illitterati” li jgħixu f’lokalitajiet differenti.

Pożittiv ukoll kien il-fatt li juri xenarju fejn l-istudenti qed ikomplu juru aktar ħajra lejn l-edukazzjoni ogħla. Tant hu hekk li kważi kwart tal-istudenti minn 15-il sena ‘l fuq għadhom livell ta’ edukazzjoni terzjarja.

F’dan id-diċennju, jidher li l-għadd ta’ nies li kienu f’impjieg żdied u laħaq il-273,955. Dan juri żieda ta’ aktar minn 100,000 impjieg fuq perjodu ta’ għaxar snin. 

Ekonomija

Sport