It-teatri Amerikani kienu mimlija fi tmiem il-ġimgħa bil-concert film ta’ Taylor Swift, “The Eras Tour”. B’kollox kellu dħul ta’ madwar $95 miljun fi tmiem il-ġimgħa.
“The Eras Tour” sar il-concert film bl-akbar dħul mit-teatri. Ir-rekord qabel kien ta’ $73 miljun għal “Justin Bieber: Never Say Never” li kien intwera fl- 2011. Is-suċċess ta’ dan il-concert film kien previst, tant li “The Exorcist: Believer” bidel id-data preferuta ta’ il-Ġimgħa 13 tax-xahar u minflok ħareġ ġimgħa qabel. Għal Taylor Swift, it-13 hu in-numru favorit tagħha.
Fl-erba’ postijiet l-oħra fil-qauċċata tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa kienu okkupati minn “The Exorcist: Believer”, il-film animat “PAW Patrol: The Mighty Movie”, “Saw X” u fil-ħames post “The Creator”.
Killers of the Flower Moon
Għal ħafna snin, Martin Scorsese iġġieled ġlidiet kbar mal-istudios biex ma jaqtaw xejn mill-films tiegħu. Għall-bidu kien diffiċli jirbaħ l-argument. Meta l-films tiegħu bdew jiksbu suċċess fil-box office u rispett mill-kritiċi, Scorsese beda jara li kienet tgħaddi tiegħu. Illum ebda studio ma jindaħallu u forsi mhux bilfors ipoġġih f’qagħda tajba.
“Killers of the Flower Moon” hu twil 3 sigħat u nofs. Hu twil wisq u li kien iqsar, kien ikun aktar effettiv.
Xorta nemmnu li hu film interessanti b’interprirazzjonijiet b’saħħithom minn Leonardo DiCaprio u Robert De Niro.
Ispirat mill-ktieb ta’ David Grann, in-narrattiva teħodna fl-għoxrinijat meta nies indiġeni Amerikani ġew imġegħla mill-gvern Amerikan jitilqu l-artijiet tagħhom u jmorru jabitaw f’Osage fejn ħadd ma ried imur jgħix.
Ġara li f’dik il-parti nstab iż-żejt u bil-prosperità li kien hemm, dawn i-nies setgħu jsiru fost l-aktar nies għonja fl-Amerika.
Leonardo DiCaprio għandu l-parti ta’ Ernest Burkhart. Huwa jkun veteran opportunist tal-Ewwel Gwerra Dinjija. L-ewwel waqfa malli jasal lura tkun għand żijuh, William Hale (Robert De Niro). Hale jara f’neputih il-bniedem ideali biex jwettaq il-pjan malinn li kellu.
Ernest ma jintebaħx kif zijuh beda jilgħabu. L-ewwel mossa ta’ William kienet li Ernest jiżżewweġ lil Mollie (Lily Gladstone).
Ma tantx jgħaddi żmien sabiex qraba ta’ Mollie jibdew imutu f’ċirkustanzi misterjużi. William Hale li kien neguzjant kbir u rgħib, kellu lil diversi politiċi taħt subgħajh u kien jaħseb li seta’ jagħmel li jrid bla ma jinqabad. Imma kien iż-żmien li twieldet l-FBI u din ħadet l-investigazzjoni f’idejha.
Fl-istil tipiku tad-direttur Martin Scorsese, l-film hu mill-perspettiva tal-kriminali. Diversi films li ħadem għandhom temi komuni: korruzzjoni, vjolenza u manuvrar illeċitu. “Killers Of The Flower Moon” mhux eċċezzjoni.
Martin Scorsese enfażizza li ħadem dan il-film f’kollaborazzjoni sħiħa mal-komunitá ta’ indiġeni Amerikani ta’ Osage.
Dan il-film sewa $200 miljun biex inħadem u hu l-film bl-akbar budġit li Scorsese ħadem fil-karriera tiegħu.
Dan hu l-10 film li Martin Scorsese qed jaħdem flimkien ma’ l-attur Robert De Niro u s-sitt film ma’ Lonardo Di Caprio.
“Killers of the Flower Moon” hu kklassifikat 15 minħabba xeni qawwija u dettal ta’ vjolenza kif ukoll razziżmu.
The Exorcist: Believer
Ħamsin sena wara li l-film klassiku ta’ William Friedkin itterorizza l-udjenzi madwar id-dinja kollha, issa għanda s-sequel dirett għalih “The Exorcist: Believer”. Id-direttur hu David Gordon Green li riċentament reġa rxoxta l-franchise ta’ Halloween.
Għalkemm il-film ġie fdat f’idejn Blumhouse Pictures, li saret il-kumpanija li tispeċjalizza fil-films tal-orrur, ma tista’ tagħmel ebda paragun mal-film oriġinali. Dan hu s-sitt film f’din il-franchise ispirat mill-ktieb ta’ William Peter Blatty. Iż-żewġ sequels u ż-żewġ prequels ta’ qabel ma ħolqu ebda sensazzjoni. Anqas dan. Il-Universal ħalset $400 miljun biex takkwista d-drittijiet u ma jidhirx li kien investiment tajjeb. Iridu jaraw x’ser jagħmlu jekk ser ikomplu bl-idea li sentejn oħra jagħtuna “The Exorcist: Deceiver”.
F’“The Exorcist: Believer” tirritorna Ellen Burstyn fil-parti ta’ Chris MacNeil. Din id-darba mhux tifla waħda imma tnejn isibu rwieħhom taħt il-ħakma tax-xitan. Wara l-esperjenza li kellha b’bintha Regan, MacNeil tmur biex tati l-għajnuna tagħha, beżgħana jekk hix ser tkun kapaċi ssalvhom.
It-tfajliet li jaqgħu vittma tax-xitan huma Angela (Lidya Jewett) u ħabibtha Katherine (Olivia O’Neill). Leslie Odom Jr. għandu l-parti ta’ missier Angela.
“The Exorcist: Believer” hu kklassifikat 15 minħabba x-xeni ta’ biża’, vjolenza u kliem iebes