Saturday, December 21, 2024

L-ADPD isostni li politika bbażata fuq il-pjaċiri hija l-ikbar marda tal-pajjiż

Aqra wkoll

F’konferenza stampa quddiem l-uffiċċini ta’ Transport Malta f’Ħal Lija dalgħodu, kelliema ta’ ADPD-The Green Party saħqu li l-politika Maltija hija mnawra bil-klijenteliżmu. L-ADPD saħaq dwar politika bbażata fuq pjaċiri, flok politika bbażata fuq drittijiet.

Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali u kandidat għall-Parlament Ewropew ta’ ADPD qal li f’pajjiż normali kieku ilhom li tkeċċew Ministru u uffiċjali li sippost qegħdin hemm biex jaqdu liċ-ċittadini.

“Dak li qabel kien isir bit-telefon issa qed isir bla mistħija ta’ xejn fuq ‘chats’ bħall-Whatsapp li b’xorti tajba spiċċaw f’idejn il-ġurnalisti li qed jikxfu l-maskra tal-Prim Ministru u sħabu”, kompla Cassar.

Huwa saħaq li n-nies hemm bżonn jifhmu li jekk jibqgħu ostaġġi tas-sistema ta’ klijenteliżmu perpetwata miż-żewġ partiti l-kbar tul is-snin, l-affarijiet mhux se jinbidlu u għalhekk ħeġġeġ lin-nies biex jivvutaw mod ieħor.

Iċ-Chairperson ta’ ADPD u kandidat għall-Parlament Ewropew tal-partit Sandra Gauci qalet li hija tal-mistħija li każ bħal dan ta’ klijenteliżmu jipprova jiġi żvijat f’xi ħaġa li tista’ titqies bħala normali.

“Minflok politika ibbażata fuq id-drittijiet għandna politika ibbażata fuq il-pjaċiri,” sostniet Gauci.

Hija sostniet li tajjeb li l-ogħla awtoritajiet iżommu f’moħħhom li l-karozza hija wkoll arma jekk użata b’mod mhux korrett. Hija rreferiet ukoll għal ċifri tal-NSO fejn fl-2022 kellna 28 mewt fit-toroq, 19-il mewt aktar mis-sena ta’ qabel. Kellna wkoll 1,341 inċident li fih weġġgħu persuni.

“Mingħajr ma trid taħseb jekk xi wħud minn dawk l-imwiet u inċidenti humiex frott il-klijenteliżmu,” konkludiet Gauci.

Ekonomija

Sport