Il-partit tal-lemin estrem Alternative für Deutschland (AfD) kiseb rebħa deċiżiva fl-istat Ġermaniż ta’ Saxony-Anhalt, b’distakk kbir fuq ir-rivali ewlenin tiegħu.
Minkejja dan, ir-riżultati preliminari wrew li dan il-partit naqas milli jikseb il-maġġoranza assoluta meħtieġa biex jiggverna waħdu, hekk kif kiseb 43.8% tal-voti, kontra s-17.2% tal-partit konservattiv CDU. Issa se jkunu meħtieġa negozjati diffiċli dwar min se jmexxi l-istat.
Il-mexxej tal-AfD fl-istat, Ulrich Siegmud, iddeskriva r-riżultat bħala wieħed “sensazzjonali” u li l-partit kien kiseb mandat biex jiggverna.
L-ebda partit tal-lemin estrem ma kkontrolla stat Ġermaniż minn mindu ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija u li tiggverna fuq livell ta’ stat jagħti poteri fuq il-pulizija, l-edukazzjoni lokali u l-kultura.
Saxony-Anhalt għandha popolazzjoni ta’ 2.1 miljun persuna, u l-AfD fl-istat hija kklassifikata mis-servizzi tal-intelligence domestiċi bħala “estremista tal-lemin”, klassifikazzjoni li Siegmund, li għandu 35 sena, jiċħad.
Hu, flimkien mal-mexxejja nazzjonali konġunti Alice Weidel u Tino Chrupalla, kienu sodisfatti immens hekk kif l-exit polls urew li l-partit kien miexi biex jikseb aktar mid-doppju tar-riżultat tiegħu tal-2021.

