L-iktar lokalità li tipproduċi għeneb f’Malta, b’iktar minn 530,000 metru kwadru ta’ dwieli, qed terġa’ torganizza avveniment tant mistenni li jiċċelebra l-produzzjoni ta’ din il-frotta u l-prodotti li joħorġu minnha. Matul is-snin, l-art għammiela tas-Siġġiewi u l-idejn beżlin tas-Siġġiwin għaġġnu din it-tradizzjoni qawwija ta’ dwieli, għeneb u inbid f’dan ir-raħal. U għaldaqstant, dawn il-bdiewa u produtturi tal-għeneb u l-inbid se jingħaqqdu sewwasew fi Pjazza San Nikola sabiex jesebixxu l-prodott tagħhom nhar is-Sibt 12 ta’ Settembru filgħaxija.
Il-pubbliku Malti flimkien mat-turist li jżur pajjiżna se jkun jista’ jduq l-għeneb li jiġi kultivat f’pajjiżna; kemm dak ta’ razez indiġeni kif ukoll dawk barranin. Ma jistgħax jonqos li s-Siġġiewi jiċċelebra wkoll l-inbid li b’tant sengħa jiġi produċut anke fir-raħal stess. Se tkun lejla ta’ tradizzjoni Maltija fejn wieħed jista’ jsib ikel tradizzjonali Malti, inbid Malti, kompetizzjoni tal-inbid, wirja ta’ għodod agrikoli u karozzi klassiċi, żona għat-tfal, żona ta’ folklor u spettaklu ta’ kant u żfin fost l-oħrajn.
Fi spirtu umoristiku, se jkun hemm sessjonijiet Fil-Kċina mas-Sindku, fejn is-Sindku se jkun qed jipprepara diversi platti ma’ persuni prominenti fis-Siġġiewi. Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, se jkun hemm żona ta’ degustazzjoni tal-inbid fejn wieħed jista’ iduq diversi tipi ta’ inbid magħmulin minn produtturi ewlenin f’Malta. Fi spirtu ta’ inklużjoni, se jkun hemm Quiet Room fiċ-Ċentru Ċiviku għal dawk it-tfal li jinsabu fuq l-ispettru tan-newrodiverġenza,.
Din l-attivita’ qed tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi b’appoġġ tas-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u tar-Reġjun Punent. Id-dħul minn din l-attività se jmur b’risq id-Dar tal-Providenza. Dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-kompetizzjoni tal-inbid jistgħu jirreġistraw fiċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi. Din hi kompetizzjoni għal dawk li jipproduċu inbid fi kwantitatjiet żgħar fid-djar tagħhom.
Għal iktar informazzjoni segwu l-paġna https://www.facebook.com/festagheneb

