Minn tal-inqas sitt persuni tilfu ħajjithom wara li waqgħet binja residenzjali fil-kapitali Indjana, Delhi, filwaqt li għad hemm biża’ li aktar studenti għadhom maqbuda ġewwa.
Xhieda fuq il-post qalu lill-midja lokali li kien hemm numru ta’ persuni ġewwa l-binja fil-lokalità ta’ Satya Niketan, fil-Lbiċ ta’ Delhi, meta ġġarrfet għall-ħabta tas-1.30 p.m. (ħin lokali) nhar il-Ħadd.
L-isptar AIIMS ikkonferma l-imwiet fi stqarrija nhar it-Tnejn. Sitt persuni oħra ġew salvati u ttieħdu l-isptar, qed jingħataw il-kura.
Iċ-Chief Minister ta’ Delhi, Rekha Gupta, qalet li l-kawża tal-kollass kienet l-akkumulu tal-ilma, flimkien ma’ xogħlijiet ta’ tiswijiet li kienu għaddejjin fil-“basement” tal-binja.
L-uffiċjali għadhom ma kkonfermawx kemm għad hemm persuni maħsuba li għadhom taħt it-tifrik.
It-Tnejn filgħodu, Gupta qalet li “madwar 80% tat-tifrik kien tneħħa” mill-binja, li tinsab ftit ’il bogħod minn kulleġġ tal-Università ta’ Delhi.

